Franza ssegwi l-Ġermanja u timponi lockdown nazzjonali

Read in English.

Il-Gvern Franċiż ħabbar li l-pajjiż se jmur lura f’lockdown nazzjonali minn din il-ġimgħa bl-għan li jipprova jikkontrolla l-epidemija tal-COVID-19. Dan ħabbru l-President Franċiż Emmanuel Macron f’indirizz lin-nazzjon .

Il-miżuri l-ġodda jidħlu fis-seħħ mill-Ġimgħa sal-1 ta’ Diċembru u jeżieġu li n-nies jibqgħu ġewwa ħlief biex jixtru prodotti essenzjali, jattendu għal ħtiġijiet mediċi jew jużaw allokazzjoni ta’ siegħa għall-eżerċizzju.

Kull min joħroġ mid-dar irid iġorr miegħu dokument speċjali li jiġġustifika r-raġuni li għaliha qegħdin barra, u li jista’ jintalab mill-pulizija.

Ristoranti, kafeteriji u ħwienet li jbiegħu prodotti mhux essenzjali se jkollhom jagħlqu għal mill-anqas ħmistax, qal Macron.

Il-Ġermanja wkoll introduċiet numru ta’ restrizzjonijiet ġodda madwar il-pajjiż. L-aħbar li l-akbar żewġ ekonomiji Ewropej reġgħu qed jingħalqu f’lockdowns taw daqqa ta’ ħarta lill-ishma madwar id-dinja.

Fi Franza, il-ħaddiema xorta jistgħu jmorru għax-xogħol jekk min iħaddimhom iqis li huwa impossibbli li dawn jagħmlu xogħlhom mid-dar, iżda b’differenza mil-lockdown ta’ Marzu, l-iskejjel se jibqgħu miftuħin.

“Il-vajrus qed jiċċirkola b’qawwa li lanqas il-previżjonijiet l-aktar pessimisti m’antiċipaw”, qal Macron. “Ninsabu kollha fl-istess pożizzjoni: quddiem it-tieni mewġa li se tkun aktar iebsa, u aktar qattiela mill-ewwel waħda”.

“Iddeċidejt li għandna bżonn immorru lura għal-lockdown li waqqaf il-vajrus,” qal Macron. Fl-indirizz tiegħu huwa sostna: “Għandi fiduċja fina, fikom, fil-ħila tagħna li negħlbu din l-isfida. Se nirbħuha jekk inkunu magħqudin, u aħna ninsabu magħqudin.”.

Franza kienet imponiet lockdown ta’ tmien ġimgħat fir-Rebbiegħa, meta n-numru ta’ mwiet u persuni li kellhom bżonn jiddaħħlu l-isptar minħabba l-COVID-19 laħqu l-massimu tagħhom. Il-lockdown kien effettiv fil-kontroll tal-pandemija, iżda l-vajrus reġa’ beda jinfirex wara li r-restrizzjonijiet bdew jiġu rilassati.

Il-pajjiż issa rrapporta aktar minn 35,000 mewta, is-seba’ l-aktar fid-dinja, skont dejta ta’ Reuters. 523 minnhom seħħew it-Tnejn li għadda, l-għola numru sa minn April. It-tobba qalu li t-taqsimiet tal-kura intensiva kienu qrib sitwazzjoni li ma jlaħħqux iżjed.

Aktar kmieni dan ix-xahar Macron kien rrestrinġa l-ħin li wieħed jista’ jibqa’ barra f’Pariġi u bliet kbar oħra, iżda dan ma kienx biżżejjed biex jitwaqqfu l-infezzjonijiet.