Franza: Nefqu €5,000 biex mexxew il-borra minn muntanja għal oħra

Ċentru għall-iskijjar fi Franza rċieva Kritika ħarxa wara li uża ħelikopter biex mexxa l-borra minn muntanja għal oħra. Dan għamlu minħabba li t-temp dewweb il-borra fuq uħud mill-inżul ta’ waħda mill-muntanji ta’ dan iċ-ċentru.

Iċ-ċentru ta’ Lunchon-Superbagneres li qiegħed fil-Pirinej uża l-ħelikopter nhar il-Ġimgħa u s-Sibt biex mexxa madwar 50 tunnellata ta’ borra minn muntanja li qegħda aktar fil-għoli lejn iċ-ċentru. Il-borra twaddbet fuq uħud mit-28 niżla li ċ-ċentru tal-iskijjar għandu. L-operazzjoni ffukat prinċiparjament fuq il-partijiet li huma ddedikati għal dawk li għadhom jibdew u għat-tfal. Dan qalu d-direttur tal-post, Hervé Pounau.

Tul tmiem il-ġimgħa nfetħu biss sitta mill-inżul għal dawk li xtaqu jiskijjaw.

Din l-operazzjoni ġiet tiswa madwar €5,000. Iżda qed ikun ikkalkulat li se jagħmlu 10 darbiet aktar dawn il-flus li investew Id-direttur spjega kif grazzi għal din il-mossa rnexxielhom isalvaw 80 xogħol.

Iżda l-fergħa reġjonali tal-partit politiku Europe-Ecologie Les Verts ikkritika l-proġett u lil Bastien Ho, is-segretarju lokali tal-partit. Din il-mossa ġiet deskritta bħala soluzzjoni temporanja li qed tiġġieled kontra s-sħana billi tikkontribwixxi għaliha.

Aktar tard Pounau stqarr li rrealizza li ma kinitx mossa pożittiva ekoloġikament. Hu qal li din kienet eċċezzjoni li m’għandhomx l-intenzjoni li jerġgħu jagħmluha.