Franza mhix se tittollera theddid lis-sigurtà

Franza qed tinsisti li mhix se tittollera theddid lis-sigurtà tagħha, hekk kif Wikileaks żvela li l-Istati Uniti spijjat fuq telefonati tal-President attwali Francois Hollande u taż-żewġ predeċessuri tiegħu – Nicolas Sarkozy u Jacques Chirac.
F’dikjarazzjoni, l-uffiċċju tal-President Franċiż qal li l-Istati Uniti għandha tirrispetta l-patt li ma tispijjax mexxejja Franċiżi.
Kelliem għall-Kunsill ta’ Sigurtà tal-Istati Uniti qal li l-entità mhix se tikkummenta fuq allegazzjonijiet speċifiċi.
Ftit ilu, l-istess kunsill kien qed jiffaċċja l-akkużi li spijja fuq il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel u mexxejja Brażiljani u Messikani.
Skont id-dokumenti ppubblikati minn Wikileaks, l-Istati Uniti kienet qed issegwi l-komunikazzjoni li tasal għand it-tliet Presidenti Franċiżi kif ukoll Ministri Franċiżi u l-ambaxxatur għall-Istati Uniti.