Franza l-ewwel pajjiż Ewropew b’2 miljun każ ta’ Coronavirus

Read in English.

Nhar it-Tlieta Franza saret l-ewwel pajjiż Ewropew li qabeż l-għadd ta’ 2 miljun każ tal-coronavirus, minkejja li fit-30 ta’ Ottubru twaqqaf lockdown nazzjonali li wassal għal tnaqqis qawwi fir-rata ta’ infezzjonijiet ġodda, skont rapport ta’ Reuters.

Franza qegħda fir-raba’ post għall-għadd ta’ infezzjonijiet irrappurtati, b’2,036,755 każ, wara l-Istati Uniti, l-Indja u l-Brażil. L-għadd ta’ persuni li tilfu ħajjithom minħabba l-virus fil-pajjiż qabeż il-45,000, u Franza tinsab fis-seba’ post globalment għall-għadd ta’ mwiet minħabba l-COVID-19.

L-Ewropa rrappurtat madwar 14.5 miljun każ tal-COVID-19 s’issa, u għalhekk dan huwa r-reġjun li ntlaqat l-agħar fid-dinja, b’aktar minn 26% tal-infezzjonijiet kollha s’issa, skont ir-rapport.

Wara li ntlaħqet quċċata ta’ madwar 87,000 infezzjonijiet ġodda f’ġurnata waħda fis-7 ta’ Novembru, ir-rata fi Franza waqgħet b’rata mgħaġġla fejn it-total laħaq l-aktar rata baxxa fix-xahar nhar it-Tnejn, b’9,406 każijiet. Iċ-ċifra ta’ nhar ta’ Tnejn ġeneralment tkun aktar baxxa għax nhar ta’ Ħadd isiru anqas testijiet.

Il-Ministru għas-Saħħa Franċiż Olivier Veran nhar it-Tlieta qal li l-pajjiż kien qed jerġa’ jieħu l-kontroll tas-sitwazzjoni, imma kien għadu mhux il-waqt li jitħaffef it-tieni lockdown nazzjonali impost biex titwaqqaf l-imxija tal-virus.

Minkejja l-għadd anqas ta’ każijiet kuljum, l-għadd ta’ persuni rikoverati minħabba l-COVID-19 laħaq l-aktar rata għolja s’issa, u Franza għandha t-tielet l-ogħla għadd ta’ mwiet fl-Ewropa, wara r-Renju Unit u l-Italja.

Il-gvern tal-President Emmanuel Macron stabbilixxa l-1 ta’ Diċembru bħala l-mira meta se jintemm il-lockdown, għalkemm din id-data tista’ tiġi estiża jekk iċ-ċifri jibqgħu ma jonqsux bir-rata mixtieqa.