Franza: Jisirqu €9 miljun minn vann tas-sigurtà

Ħallelin fi Franza rnexxielhom jaħarbu wara li serqu €9 miljun fi flus kontanti mill-belt ta’ Lyon wara li wettqu serqa bl-armi fuq vettura tas-sigurtà.

Il-vettura li kienet operata minn kumpanija tas-sigurtà Żvediża ġiet attakkata minn grupp ta’ ħallelin armati nhar il-Ġimgħa għall-ħabta tad-9am hekk kif kienet ħierġa minn fergħa tal-Bank ta’ Franza.

Din is-serqa qed tkun meqjusa bħala l-ikbar waħda  tat-tip tagħha fi Franza sa mill-2009, meta eks-impjegat ta’ kumpanija tas-sigurtà kien seraq €11.6 miljun mill-Bank ta’ Franza. Il-maġġoranza tal-ammont ta’ flus li kienu nsterqu fl-2009 kienu nstabu.

Fortunatament ħadd ma’ weġġa’ fis-serqa li saret il-Ġimgħa. Sadanittant il-Pulizija Franċiża qalet li tinsab għaddejja bi tfittxija intensiva għal ħallelin li rnexxielhom jaħarbu minn fuq il-post.

Huma serqu l-flus mill-vann wara li mblukkaw it-triq miż-żewġ naħat b’żewġ vannijiet. Skont il-Pulziija jidher li f’din is-serqa partikolari l-ħallelin kellhom vantaġġ hekk kif in-numru tas-sigurtà tal-bieb tal-vann tal-flus normalment jinbidel ma’ kull vjaġġ, madanakollu dan il-vann partikolari li nsteraq kellu numru permanenti li dejjem baqa’ l-istess.