Franza fi stat ta’ emerġenza sakemm jinqered l-ISIS

Franza se żżomm l-istat ta’ emerġenza sakemm tiġi fi tmiemha “gwerra sħiħa u globali” kontra l-Istat Iżlamiku.
Dan sostnieh il-Prim Ministru Franċiż Manuel Valls, li wissa li l-kriżi tal-immigrazzjoni Ewropa qed tpoġġi l-Unjoni Ewropa nnfisha f’riskju kbir. Sostna, li l-Ewropa teħtieġ li tieħu azzjoni urġenti biex tikkontrolla l-fruntieri esterni tagħha.
Dawn il-miżuri, li ġew estiżi għal tliet xhur, kienu ġew introdotti wara li l-Istat Iżlamiku mexxa l-attakki tiegħu f’Pariġi fit-13 ta’ Novembru.
Dan il-pass jagħti lill-pulizija iżjed saħħa biex iwettqu rejds u arresti.
Il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel se jkollha taħdidiet mal-Prim Ministru Tork, Ahmet Davutoglu, f’Berlin.
Il-pajjiżi Ewropej qed jittamaw li t-Turkija se tgħin fil-kontroll tal-influss tal-immigranti li jaslu fl-Ewropa mis-Sirja u fl-inħawi ta’ kunflitt.
Valls tenna li “sakemm tibqa' t-theddida, hemm bżonn li nużaw il-mezzi kollha biex neħilsu mill-Istat Iżlamiku”.