Franza b’rekord ta’ 52,000 każ ġdid ta’ coronavirus

Franza Coronavirus
Youtube - France 24

Franza rreġistrat rekord ġdid ta’ 52,000 każ ġdid ta’ coronavirus fl-aħħar 24 siegħa, wara rekord ieħor ta’ 45,422 is-Sibt, hekk kif it-tieni mewġa tal-pandemija tkompli toħloq sitwazzjoni aktar diffiċli madwar l-Ewropa.

B’din iż-żieda, Franza issa għandha total ta’ 1,138,507 każ, biex b’hekk għaddiet lill-Arġentina u Spanja biex tirreġistra l-ħames l-akbar numru ta’ każijiet fid-dinja wara l-Istati Uniti, l-Indja, il-Brażil u r-Russja.

Fl-aħħar tlett ijiem, Franza rrappurtat 139,000 infezzjoni ġdida, iżjed mill-132,000 każ reġistrat matul il-lockdown ta’ xahrejn ta’ bejn nofs Marzu u nofs Mejju.

Il-Ministeru tas-Saħħa rrapporta wkoll 116 mewta b’infezzjoni b’coronavirus fl-aħħar 24 siegħa, meta mqabbla ma’ 137 is-Sibt, għal total ta’ 34,761.

In-numru ta’ persuni li nstabu pożittivi mill-ammont qawwi ta’ testijiet li qed isiru madwar il-pajjiż żdiedu għal 17% minn madwar 7% xahar ilu.

Il-Kap tal-Awtorità Reġjonali tas-Saħħa f’Pariġi, Aurelien Rousseau, qal li kien ċar li ċ-ċirkolazzjoni tal-vajrus fir-reġjun kienet qed taċċellera u li s-sitwazzjoni fl-isptarijiet Franċiżi kienet qed issir waħda aktar serja.

Sas-Sibt, in-numru ta’ persuni li kellhom jiġu rikoverati l-isptar tela’ għal 15,660, b’2,500 minnhom f’terapija intensiva: fl-agħar perjodu tal-ewwel mewġa fir-Rebbiegħa kienu 7,148 il-persuni f’terapija intensiva.