Aġġornata (3): Maqtula l-aħwa li wettqu l-attakk fuq l-uffiċini ta’ Charlie Hebdo

Aġġornata: 17:58:
Il-Pulizija Franċiża qed tgħid li erba' mill-ostaġġi li kienu miżmuma fis-supermarket f'Pariġi nqatlu. 

Aġġornata 17:15:
Inqatlu ż-żewġt aħwa li wettqu l-attakk fuq l-uffiċini tar-rivista satirika Charlie Hebdo. Dan wara li l-Pulizija ċċirkondaw l-istamperija fejn kienu qed jinsabu.
Il-Pulizija rnexxilha teħles l-ostaġġ li l-aħwa kienu qed iżommu. Jirriżulta li l-aħwa Kouachi ħarġu jisparaw u nqatlu mill-Pulizija Franċiża li kienu fuq il-post.
Intant, madwar is-supermarket fil-lvant ta' Pariġi fejn qed jinżammu aktar ostaġġi nstemgħu splużjonijiet u sparaturi.
L-ostaġġi kollha li kien hemm miżmuma f'dan is-supermarket inħelsu u l-aggressur Amedy Coulibaly inqatel.
Qabel ma bdiet l-operazzjoni tal-Pulizija Franċiża nqatgħet kull komunikazzjoni telefonika biex l-aggressuri ma setgħux jikkomunikaw aktar bejniethom. 

Aġġornata 16:00:
Il-Ministeru għall-Intern Franċiż caħad l-għajdut li hemm żewġ persuni mejta fis-supermarket fejn minn tal-inqas sitt persuni qed jinżammu ostaġġi.
Jidher li dawn il-persuni li qed iżommu dawn il-persuni kontra l-volontà tagħhom iridu l-ħelsien tal-aħwa li wettqu l-attakk fuq l-uffiċini ta' Charlie Hebdo.

Aktar kmieni:
L-aġenzija tal-aħbarijiet AFP qed tgħid li nqatlu żewġ persuni waqt sparatura oħra li ġrat kmieni waranofsinhar f’supermarket Lhudi fiż-żona ta’ Porte de Vincennes fil-lvant ta’ Pariġi.  
Ħames persuni qed jinżammu ostaġġi. Skont ix-xhieda, l-isparatura damet għaddejja madwar 20 sekondi.
L-agressur hu l-istess wieħed li l-bieraħ qatel pulizija mara fiż-żona ta’ Montrouge, fin-nofsinhar ta’ Pariġi. Kien ir-raġel stess li identifika ruħu mal-pulizija li hemm fuq barra tal-ħanut hekk kif instema’ jgħajjat darbtejn “tafu min jien!”.
Il-Pulizija Franċiża ppubblikat ritratti taż-żewġ suspettati b’rabta mal-isparatura tal-bieraħ f’Monrouge. Is-suspettati huma Amedy Coulibaly u Hayat Boumeddiene.
Amedy Coulibaly ta’ 32 sena jidher li hu l-moħħ wara l-attakk tal-bieraħ f’Montrouge u dak tal-lum fis-supermarket. Coulibaly hu mifhum li għandu passat kriminali fosthom b’rabta ma’ serq u droga u jaf lill-aħwa Kouachi, is-suspettati li qatlu it-12-il persuna fl-uffiċċji ta’ Charlie Hebdo.
Is-suspettat tal-aħħar attakki f’Pariġi għandu wkoll x’jaqsam fl-istess investigazzjoni ta’ Cherif Kouachi, li kien ikkundannat il-ħabs minħabba li kien jparti minn grupp estremista li kien jibgħat għall-ġlied żgħażagħ fl-Iraq.
Barra l-ħanut hemm għexieren ta' pulizija armati u jidher li l-President Franċiż Francois Hollande ordna biex ikun hemm l-aqwa uffiċjali tas-sigurtà Franċiżi.