Franza: 4 jistgħu jiffaċċjaw akkużi formali ta’ terroriżmu

Erbat irġiel se jidhru quddiem Imħallef f’Pariġi b’akkużi li għenu lil Amedy Coulibaly li attakka supermarket Lhudi iktar kmieni dan ix-xahar.
L-irġiel, li għandhom bejn 22 u 28 sena, jistgħu jiffaċċjaw akkużi formali li għenu f’atti terroristiċi.
Ftit jiem ilu, il-Pulizija Franċiża arrestat 12-il persuna fuq suspett li għenu lil Coulibaly u lill-aħwa Kouachi.
Tmienja minnhom inħelsu bejn is-Sibt u dalgħodu.
Mill-attakki ‘l hawn, il-Gvern Franċiż żied il-preżenza tal-Pulizija fit-toroq b’madwar 15,000 uffiċjal iktar mis-soltu.
Intbagħatu wkoll mijiet ta’ suldati fil-Belġju biex jgħinu fil-qasam tas-sigurtà wara li l-awtoritajiet hemmhekk ħarbtu pjan ieħor terroristiku.