Franza: 4 jiffaċċjaw akkużi formali dwar terroriżmu

Fi Franza, qed jiffaċċjaw akkużi formali ta’ għajnuna għal attakki terroristiċi, l-erba’ persuni qrib Amedy Coulibaly li baqgħu miżmuma mill-Pulizija Franċiża fl-aħħar jiem.
Sa tmiem il-ġimgħa, il-Pulizija kienet arrestat 12-il persuna b’suspett li kellhom x’jaqsmu mar-raġel li qatel ostaġġi f’supermarket Lhudi f’Pariġi u mal-aħwa Kouachi, imma tmienja minnhom inħelsu wara investigazzjonijiet.
Issa, tlieta mill-erba’ saħansitra qed jiffaċċjaw l-akkuża formali li fornew l-armi lil Coulibaly.
Sadattant, Franza u ħafna pajjiżi fl-Ewropa qegħdin fuq allert massimu għal kull suspettat b’rabta mat-terroriżmu.
Il-Pulizija Franċiża waqqfu ħames ċittadini Russi, fin-Nofsinhar tal-pajjiż, li kellhom kwantità ta’ materjal splussiv.
Fl-istess ħin, il-Bulgarija ħarġet talba għal estradizzjoni ta’ ċittadin Franċiż, suspettat li wkoll kellu rabta mal-aħwa Kouachi.
L-Italja, keċċiet ċittadin Tork fuq suspett ta’ simpatiji qawwija ma’ estremisti Iżlamisti.