“Franklin Barbara qed jimmina l-proċess elettorali fi ħdan l-MUT” – Marco Bonnici

Il-kandidat għall-post ta’ President tal-Unjin Maltija tal-Għalliema (MUT), Marco Bonnici, allega li l-kandidat l-ieħor, Franklin Barbara, qed jimmina l-awtorità waqt il-proċess sabiex jintlaħaq president ġdid tal-unjin.
Bonnici sostna fi stqarrija li waqt laqgħa dalgħodu, li fiha nbeda l-proċess tal-bord elettorali, Barbara ta struzzjonijiet lill-bord f’laqgħa li kellu waħdu, wara li tefa’ ’l barra lis-Segretarju Amministrattiv tal-Unjin.
Dan sar waqt li t-tliet uffiċjali l-oħra tal-Unjin, inkluż Bonnici, kienu fuq ħidma tal-unjin barra mill-uffiċċji.
Filwaqt li Bonnici qal li dan huwa kontra kull proċedura stabbilita, ma jawgurax tajjeb għall-proċess elettorali u għall-prinċipji demokratiċi li tħaddem il-Unjin.
Temm jgħid li hu għandu l-fiduċja sħiħa fil-bord u fil-proċess elettorali u saħaq li m’għandux ikun hemm persuni li jxekklu l-ħidma serena tal-bord li, wara kollox, hu indipendenti mill-istrutturi tal-unjin.
Fir-ritratt: il-kandidat Marco Bonnici (xellug) u l-kandidat l-ieħor, Franklin Barbara (lemin)