Frank Psaila b’dikjarazzjoni fid-Depot

Luke Zerafa

Read in English.

Dr Frank Psaila, eks ġurnalist ta’ Media.Link Communications mar il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija biex jagħmel dikjarazzjoni lill-investigatur ewlieni fil-kawżi b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u Kurt Zahra f’isem il-Prosekuzzjoni.

Fi stqarrija, Frank Psaila, li kien ukoll kandidat f’isem il-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjonijiet Ewropej, qal li hu mar il-Kwartieri tal-Pulizija fuq inizjattiva personali, wara li dalgħodu fil-Qorti ntqal li hu kien fost dawk li kellhom informazzjoni dwar l-investigazzjoni b’rabta mal-assassinju.

Dalgħodu, Paul Caruana Galizia, wieħed mit-tlett ulied tal-ġurnalista assasinata qal li mhux Yorgen Fenech waħdu kien jaf li se jiġi arrestat minn ħin għall-ieħor, imma anke Ivan Camilleri (eks ġurnalist tat-Times) u Frank Psaila (eks ġurnalist ta’ Media.Link Communications) fost l-oħrajn.

Dr Frank Psaila, fid-dikjarazzjoni għamilha ċara li ma kellu u ma għandu l-ebda informazzjoni dwar l-investigazzjoni. “Dak li naf huwa minn dak rappurtat fil-midja u minn dak li ġie ċċirkolat fuq mezzi soċjali fl-aħħar xhur”, kompla jgħid.

Intant, Ivan Camilleri,  il-ġurnalist li tkeċċa mit-Times il-ġimgħa li għaddiet, reġa’ tenna dak li qal fl-istqarrija tiegħu l-ġimgħa li għaddiet, u kategorikament ċaħad li kien xi darba infurmat jew kellu għarfien dwar l-investigazzjoni dwar Yorgen Fenech b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.