Ikkonfermata: Frank Portelli jitfa’ n-nomina għal Kap tal-PN

Dr Frank Portelli ppreżenta n-nomina tiegħu għal Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Ilbieraħ Newsbook.com.mt żvela li Dr Frank Portelli qed jissemma li jitfa’ n-nomina tiegħu għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista. Dan ġie kkonfermat minn rapport fuq is-sit tal-aħbarijiet tat-Times.
Newsbook.com.mt kien infurmat li Dr Portelli, eks Membru Parlamentari Nazzjonalista u eks President tal-Eżekuttiv tal-PN, ġabar l-applikazzjoni tiegħu aktar kmieni din il-ġimgħa.
It-Times illum irrappurtat li Frank Portelli qed jiġbor il-firem biex jissottometti n-nominazzjoni tiegħu għall-elezzjoni tal-Kap tal-PN.
Ikkwotat ukoll sorsi li qalu li partitarji Nazzjonalisti qed jiġbru 10 firem li għandu bżonn Dr Portelli biex jidħol fit-tiġrija għal din il-kariga.
B'hekk għal din il-kariga hemm erba' kontestanti: Chris Said, Adrian Delia, Alex Perici Calascione u Frank Portelli.
Intant il-Kummissjoni Elettorali ħabbret li l-elezzjoni fil-Kunsill Ġenerali biex jgħaddu żewġ kandidati għall-elezzjoni fil-Konvenzjoni Ġenerali se ssir is-Sibt 2 ta' Settembru. F'każ li jkun hemm bżonn it-tieni ranwd ta' votazzjoni, dan isir il-Ħadd 3 ta' Settembru.
Marthese Portelli mhux se tikkontesta għall-kariga ta’ Kap tal-PN
Sadanittant, id-deputata Nazzjonalista Marthese Portelli kitbet fuq Facebook li ddeċidiet li ma tikkontestax għall-kariga ta’ Kap tal-PN.
Filwaqt li qalet li kellha ħafna inkoraġġiment biex tidħol għal din l-isfida hekk kif ġiet eletta miż-żewġ distretti, Portelli spjegat li wara li ħasbitha ddeċidiet li ma tipparteċipax.
Kitbet ukoll li diversi nies jarawha bħala l-persuna li kapaċi tibni l-pontijiet u twassal biex il-PN ikun l-għażla naturali għan-nies. Kitbet li l-PN jeħtieġ li jifhem aktar lin-nies u lis-soċjetà u li jrid jikkomunika aħjar.