​Frank Bezzina jinħatar Direttur tal-Bank Ċentrali

Il-Professur Frank Bezzina ġie maħtur mill-Prim Ministru Joseph Muscat bħala d-Direttur ġdid tal-Bank Ċentrali ta’ Malta għal perjodu ta’ ħames snin b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2018.
Fi stqarrija, il-Bank Ċentrali spjega li Bezzina huwa d‑Dekan tal‑Fakultà tal‑Ekonomija, il‑Management u l‑Accountancy (FEMA) fl‑Università ta’ Malta. L‑interessi tiegħu ta’ riċerka huma varji iżda jiffukaw l‑aktar fuq investigar ta’ fenomeni fl‑Organisational Sciences. Hu ppubblika diversi studji f’ġurnali dwar l-immaniġġjar tar‑riskji, governanza korporattiva, tmexxija trasformazzjonali, management ibbażat fuq l‑evidenza u kunċetti żbaljati dwar statistika/metodoloġija.
Il‑Professur Bezzina hu msieħeb mar‑Royal Statistical Society tar-Renju Unit, membru tal-kumitat tat-tmexxija tal‑British Academy of Management’s Research Methodology special interest group u jħaddan karigi ta’ visiting professor fil‑Fakultà tal‑Ekonomija u n‑Negozju tal‑Università ta’ Żagreb, il‑Kroazja, u fil‑Wroclaw University of Economics, il‑Polonja.