Frank Aloisio s-sewwieq tal-mutur li miet fi Triq il-Kosta

Frank Aloisio huwa r-raġel li miet f’inċident bil-mutur ilbieraħ fi Triq il-Kosta. Hu kellu 51 sena.

Fuq Facebook, kuġinuh Robert Aloisio qal li l-familja għadha lanqas taf x’laqatha. Qal li minkejja li ma kinux jiltaqgħu ħafna mal-kuġin tagħhom Frank għax għamel żmien twil jgħix l-Ingilterra, meta kien jiġi Malta dejjem kien iżurhom. Qal li issa ruħ Frank ittajret lejn is-sema bħall-ħamiem li tant kien iħobb u kien irabbi.

Hu ħeġġeġ lil kull min jista’ sabiex jgħid talba għal ruħu.

L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tas-6.15pm f’Baħar iċ-Ċagħaq, fid-direzzjoni lejn San Pawl il-Baħar. Ir-raġel ingħata l-ewwel għajnuna fuq il-post imma ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post mit-tabib tal-emerġenza. Ir-raġel kien joqgħod l-Imsida.