Franġisku u Jacinta jsiru qaddisin qabel xahar ieħor

Il-Vatikan ikkonferma aħbar li xandar dan is-sit il-ġimgħa li għaddiet, li l-Papa Franġisku se jikkanonizza  liċ-ċkejknin Jacinta u Francisco Marto, tnejn mit-tliet itfal li 100 sena ilu dehritilhom il-Madonna f’Fatima, waqt żjara li se jagħmel fil-Portugal fit-13 ta’ Mejju li ġej.
Il-Kardinal Angelo Amato, Prefett għall-Kongregazzjoni tal-Kawża tal-Qaddisin, meta kellem lill-Konċistorju tal-Kardinali li ltaqa’ f’Ruma fl-20 ta’ dan ix-xahar, qal li dawk li qed ikunu kunsidrati biex isiru qaddisin fil-futur qrib, ħamsa minnhom huma tfal jew żgħażagħ.  “Fiż-żmien tal-lum, fejn iż-żgħażagħ spiss qed jispiċċaw esplojtjati u kummerċjalizzati, dawn it-tfal huma eżempju eċċellenti tal-verita’ u l-liberta’, messaġġiera tal-paċi u ta’ umanita’ ġdida”, sostna l-Kardinal.
Fl-istess Konċistorju il-Papa Franġisku ħabbar li fil-15 ta’ Ottubru li ġej se jikkanonizza wkoll żewġ saċerdoti u żewġ gruppi ta’ martri, fosthom il-Beati Cristobal, Antonio u Juan magħrufa wkoll bħala it-Tfal Martri ta’ Tlaxcala tal-Messiku. Dawn kienu nqatlu bejn l-1527 u l-1529 wara li ma riedux jiċħdu l-fidi.
Il-Pellegrinaġġ tal-Papa f’Fatima se jfakkar il-100 anniversarju minn meta fit-13 ta’ Mejju 1917, meta Franġisku ta’ 9 snin u oħtu Jacinta ta’ 7 snin flimkien mal-kuġina tagħhom Lucia qalu li kienet dehritilhom il-Madonna, liema dehriet komplew iseħħu kull xahar sa Ottubru tal-istess  sena.  Aktar dawn id-dehriet kienu aċċettati mill-Knisja Kattolika bħala veritieri.
Sena wara dawn id-dehriet, Franġisku u Jacinta mardu bil-pesta u t-tifel miet fl-4 ta’ April 1919 meta kien għad kellu 10 snin u oħtu mietet fl-eta’ ta’ 9 snin fl-20 ta’ Frar 1920.  It-tifla l-oħra li eventwalment daħlet Soru Karmelitana,  mietet fl-2005 fl-eta’ ta’97 sena u diġa’ bdiet il-kawża għall-beatifikazzjoni tagħha.
Hu magħruf li l-persuni li se jkunu kanonizzati f’Otturbu li ġej huma, il-Martri ta’ Natal (post fil-Brażil) li jinkludu lil Andre de Soveral, Ġiżwita; Ambrosio Francisco Ferro, saċerdot djoċesan; Maeteus Moreira, lajk u 27 oħra minn sħabhom.  Dawn kollha kien inqatlu fl-1645 fil-persekuzzjoni kontra l-Kattoliċi minn idejn Kalvinisti Olandiżi.
Se jkunu kanonizzati wkoll Faustino Miguez, saċerdot Spanjol li kien waqqaf skola terzjarja għal sudenti bniet fi żmien meta l-edukazzjoni terzjarja kienet riservata biss għas-subien.  Dan kien interessat fil-botanika u żviluppa mediċina li fejjqet professor li kien wasal fi tmiem ħajtu.
Magħhom ikun kanonizzat ukoll il-Beatu Angelo da Acri, kapuċċin li kien predikaur famuż li kien jaħdem ħafna favur il-foqra.  Miet fl-1739 u l-Papa Ljun XII kien iddikjaah beatu fl-1825.