Franġisku fil-Bangladesh: “Il-bxara t-tajba għadduha b’mod ferrieħi”

Il-Papa Franġisku ordna 16-il qassis ġdid waqt quddiesa fil-belt kapitali tal-Bangladesh, Dhaka.
Hekk kif Franġisku bħalissa jinsab il-Bangladesh wara li żar il-Myanmar, ilbieraħ iċċelebra quddiesa fejn ordna lil dawn l-irġiel għall-presbiterat, u fost l-oħrajn qalilhom biex jgħaddu l-bxara lit-tajba lil kulħadd b’mod ferrieħi, kif qed jirċevuha llum.
Avżahom biex tul ħajjithom kollha jimmeditaw fuq il-kelma t’Alla, jiċċekkjaw jemmnux dak li qed jaqraw, imbagħad jgħallmu dak li jaqraw, iżda fuq kollox li jgħallmuh bil-provi u bid-dieher.
“Bħala ċelebranti tal-mewt u l-qawmien mill-ġdid ta’ Ġesù, stinkaw biex tpoġġu fl-isfera tal-mewt id-dnubijiet kollha tan-nies li tiltaqgħu magħhom, u għinuhom ipassu lejn it-tiġdid tal-ħajja”, kien wieħed mill-pariri li Franġisku għadda lil dawn l-irġiel waqt iċ-ċelebrazzjoni.
Imbagħad il-Papa indirizza lill-folla li kien hemm preżenti, u speċifikament irringrazzjahom għall-ġenerożità tagħhom u talli kienu preżenti.
Din ma kinitx l-ewwel darba li Franġisku rringrazzja lill-poplu tal-Bangladesh tal-ġenerożità miegħu, hekk kif jumejn ilu meta wasdal fil-pajjiż mill-ewwel irrimarka kemm japprezza dak li għamlu mar-refuġjati tar-Rohingya li ħarbu mill-Myanmar minħabba dak li n-Nazzjonijiet Magħquda qed tqis bħala tindif etniku mill-awtoritajiet tal-Myanmar.
Temm jgħidilhom biex ma jgħejjew qatt jitolbu għal dawn il-qassisin il-ġodda.
Sadanittant, aktar tard illum il-Papa se jiltaqa’ maż-żagħżagħ fil-Kulleġġ ta’ Notre Dame f’Dhaka, u għall-ħabta tal-5pm, ħin fil-Bangladesh, iħalli l-pajjiż.
Aktar kmieni żar dar Madre Tereża f'Tejgaon, iltaqa' ma qassisin, irġiel u nisa reliġjużi, persuni kkonsagrati, seminaristi u novizzi fil-Knisja tar-Rużarju Mqaddes, u wara żar anki ċ-ċimiterju tal-post.