Franġisku jistrieħ mill-politika fl-aħħar jum tal-vjaġġ tiegħu

Fl-aħħar jum tal-vjaġġ Ażjatiku tiegħu fil-Myanmar u l-Bangladesh, Franġisku straħ mill-politika u s-sitwazzjoni diplomatika u qatta’ jum iddedikat totalment għall-pastorali.
Fl-aħħar jiem, speċjalment meta kien fil-Myanmar, il-Papa tkellem qatigħ dwar il-persekuzzjoni u d-drittijiet tal-minoranzi etniċi, b’referenza indiretta għal dak li qed jiġri fil-Myanmar fuq il-grupp tal-Musulmani Rohingya, li n-Nazzjonijiet Magħquda qed iqisu bħala tindif etniku.
F’dan l-ambjent tens, il-Papa qagħad attent li ma jużax il-kelma Rohingya biex ma jinqalax għawġ.
Meta kien imissu jmur il-Bangladesh jumejn ilu, mill-ewwel irringrazzja lill-poplu talli qed jilqa’ eluf ta’ Rohingya ppersegwitati li qed jaħarbu mill-Myanmar, iżda dejjem qagħad kawt ta’ kif tkellem.
Kien ilbieraħ fil-Bangladesh meta l-Papa uża għall-ewwel darba dat-terminu, meta qal li l-preżenza t'Alla llum il-ġurnata għandha isem ġdid, "Rohingya".
Madankollu llum Franġisku żamm eżatt mal-pjan maħsub minn qabel, u qatta’ l-aħħar ftit sigħat fil-pajjiż ma’ komunità reliġjuża, maż-żgħażagħ u mal-ifqar fost il-fqar.
La tkellem dwar migrazzjoni u refuġjati, u lanqas dwar il-bdil fil-klima.
Il-Papa mar fost in-nies akkumpanjat minn żewġt ibniet, żar il-morda, u saħansitra warrab diskors li kellu miktub u minflok qabad jitkellem b’mod spontanju man-nies.
Huwa u jitkellem maż-żgħażagħ f’dal-pajjiż b’maġġoranza Musulmana, Franġisku qalilhom li ħajjithom għandha direzzjoni għax Alla tahom direzzjoni, qisu installa software ġo fihom biex jiggwidahom.
Enfasizza, iżda, li bħal kull software ieħor, trid tibqa’ taġġornah billi tisma’ l-kelma t’Alla.
Qalilhom li l-għerf t’Alla jimbutta lil dak li jkun iħares lil hinn mis-sigurtajiet foloz li niddawru bihom, u li jbegħduna mill-ideali li jsebbħu u jsaħħu jseddqu ’l-ħajja.
Kif qed jagħmel dan l-aħħar meta jitkellem maż-żgħażagħ, talabhom ineħħu l-mowbajl minn idhom u jqattgħu aktar ħin mal-anzjani, ifittxu l-għerf mill-ħarsa t’għajnejhom.
Il-Papa telaq lura lejn il-Vatikan għall-ħabta tal-5pm, ħin lokali.