Franġisku jiddeskrivi l-Popemobile magħluqa bħala “landa tas-sardin”

F’intervista lil gazzetta Spanjola, il-Papa Franġisku ddeskriva l-Popemobile bulletproof bħala “landa tas-sardin” u għalhekk jippreferi waħda miftuħa biex ikun viċin in-nies.
“Veru li kollox jista’ jiġri iżda ngħiduha kif inhi, fl-età tiegħi ma tantx għandi x’nitlef.” Żied jgħid li minkejja l-periklu, hu jħalli kollox f’idejn Alla.
Fl-aħħar ftit żmien il-Papa Franġisku wettaq diversi bidliet, fosthom fil-mezzi tat-transport tiegħu stess. Infatti kemm ilu li sar Papa qatt m’għamel użu mill-Popemobile magħluqa u deher jirkeb f’karozzi żgħar, sempliċi u komuni.
Fl-istess intervista, Franġisku ddeskriva d-deċiżjoni ta’ Benedittu XVI, li jirreżenja minn Papa, bħala “ġest kbir,” u stqarr li lest jagħmel l-istess meta jara li ma saħħtu ma tkunx tiflaħ aktar.
Qal li bħal m’għamel il-Papa Emeritu, jitlob lil Alla jurih it-triq meta jasal il-waqt.