Franġiskani flimkien biex jgħinu il-“Lebrużi ta’ Żminijietna”

Il-Franġiskani fl-Asja t'Isfel impenjati favur il-foqra

Ix-xahar li għadda madwar 60 Superjur Ġenerali ta’ diversi kongregazzjonijiet Franġiskani – nisa u rġiel – iltaqgħu fit-Tajlandja biex jirriflettu u jippruvaw wieġbu b’mod effettiv u fi spirtu evanġeliku l-isfidi li għandu r-reġjun tal-Asja t’Isfel.

Skont l-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES dawn ir-reliġjużi ġeddew l-impenn evanġeliku li jaħdmu mal-emarġinati, jipproteġu l-ħolqien u jassiguraw armonija inter-reliġjuża.

Fr. Nithiya Sagayam OFMCap, qal lil FIDES, li l-parteċipanti, skont ma’ titlob l-ispiritwalità Franġiskana wiegħdu li jġeddu l-ħajja u l-missjoni tagħhom b’aktar ħeġġa.

Dawn il-pajjiżi tal-Asia tan-Nofsinhar, ħafna drabi jiffaċċjaw l-istess sfidi f’oqsma bħalma huma l-inġustizzji soċjali, faqar esterm, degradazzjoni tal-mara, abbuż mid-drittijiet tat-tfal, l-emigrazzjoni, ir-reguġjati għal raġunijiet klimatiċi, estremiżmu u fundamentaliżmu estremi li qed jikbru, l-isfidi tal-insara li huma f’minoranza kbira, l-oppressjoni tal-popli indiġeni, l-abbandun ta’ żoni rurali kif ukoll il-ħolqien tas-‘slums’.

Impenn lejn il-foqra

L-istess aġenzija tal-aħbarijiet Kattoliċi rrappurtat li s-Superjuri Franġiskani miġbura fil-laqgħa rriaffermaw l-impenn partikolari tagħhom lejn l-ifqar nies kemm fuq livell personali kif ukoll fuq livell komunitarju.

L-Isqof Salesjan Joseph Pradhan Sridarunsil, li jmexxi d-djoċesi ta’ Surat Thani fit-Tajlandja, f’messaġġ lil dawk preżenti, enfasizza l-kariżma tal-għażla preferenzjali favur il-fqar, il-paċi u l-protezzjoni tal-ħolqien.

Kien imġedded ukoll l-impenn ta’ dawn il-mexxejja reliġjużi Kattoliċi li jibqgħu qrib il-mexxeja reliġjużi Buddisti, Islamiċi, Hinduisti biex ikun hemm djalogu inter-reliġjuż, paċi u armonija.

L-Assemblea eżaminat ukoll id-dimensjoni tal-ispiritwalità Franġiskana f’relazzjonijiet mal-aktar problem urġenti tas-soċjetà u identifikat lill-Franġiskani bħala nies li jġibu l-paċi, ġustizzja, ugwaljanza tal-ġeneru u l-promozzjoni tad-drittijiet ta’ dawk emarġinati u oppressi.

Programm

Fi tmiem il-laqgħa, l-Assemblea approvat programm ta’ għaxar punti għall-ħajja u l-missjoni tal-Franġiskani fl-Asja t’Isfel li fih l-enfasi hi r-rieda li jgħixu l-valur fundamentali Franġiskani li jaqdu lill-“Lebrużi ta’ Żmienna’, jibqgħu qrib il-foqra u l-emarġinati u jikkoordinaw l-attivitajiet ta’ diversi organiżazzjonijiet Franġiskani u jagħtu attenzjoni partikolari għad-djalogu, il-paċi u l-armonija.

Qablu wkoll li fl-okkażżjoni tat-800 anniversarju tal-laqgħa bejn San Franġisk u s-Sultan u l-150 anniversarju mit-twelid ta’ Gandhi, jippjanaw ċelebrazzjonijiet inter-reliġjużi, b’enfasi speċjai fuq id-drittijiet u l-kundizzjonijiet tal-mara fir-reġjun.