Christopher Bartolo: “Każ eċċezzjonali” – Franco Debono

L-avukat Franco Debono saħaq li t-talba biex il-priġunier Christopher Bartolo jinħeles temporanjament minħabba l-kundizzjoni medika tiegħu, saret għax il-każ huwa eċċezzjonali u umanitarju.
Debono, kien mistieden flimkien mas-sieħba ta’ Bartolo, waqt programm fuq NET TV.  L-istedina saret qabel ħarġet l-aħbar li Bartolo, li marid bil-kliewi, se jinħareġ mill-ħabs.
Franco Debono rringrazzja lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia u lill-Membru Parlamentari tal-PN Jason Azzopardi tal-interess personali fil-każ.
Illejla, l-eksdeputat Nazzjonalista u Kummissarju għal-Liġijiet reġa’ daħal fil-bini tad-Dar Ċentrali. Kien Dr Debono stess li kiteb fuq Facebook li se jkun mistieden fil-programm fit-8pm.
Franco Debono kien kandidat tal-Partit Nazzjonalista u kien tela’ bħala Membru Parlamentari fl-2008. Huwa kien ivvota kontra l-baġit tal-2013, li wassal biex issejħet elezzjoni. Debono ma kienx ikkontesta f’din l-elezzjoni.