​Franco Debono jgħid li mhux veru jqabbad il-ħakk lin-Nazzjonalisti

L-eksdeputat Nazzjonalista Dr Franco Debono saħaq li hu mhux veru jqabbad il-ħakk lin-Nazzjonalisti.
Dr Debono kien qed jirreaġixxi għall-blogg ta’ Norman Vella fuq Newsbook.com.mt bit-titlu Kemm-il Franco għandna?, li l-qofol tiegħu kien li fil-politika, bħal fil-ħajja, ma tistax tgħaddi dejjem tiegħek.
Fil-bidu tiegħu, Vella qal li l-blogg mhux fuq Franco Debono u li għadd kbir ta’ partitarji Nazzjonalisti jaqbadhom ħafna ħakk malli jisimgħu jew jaqraw ismu, u li ma jridx ikun il-kawża ta’ aktar tqattiegħ u grif fuq ġisimhom.
Dwar dan, Dr Debono qal li kieku hu espert tal-imsaren, jgħidlu li “bħala bniedem assoċjat mal-akbar żewġ telfiet Nazzjonalisti fl-aħħar 50 sena u ma’ xandir pubbliku li għamel għajb kbir lill-amministrazzjoni Nazzjonalista ta’ qabel l-2013, mhux ħakk biss iqabbadhom iżda brim kbir fl-istonku”.
Jisħaq li mhux talli ma jqabbadhomx ħakk lin-Nazzjonalisti, talli li f’servej professjonali u xjentifiku li kkummissjona hu stess, irriżulta li aktar minn 70% ta’ dawk li vvutaw PN fl-aħħar żewġ elezzjonijiet, iħossu li kellu jingħata aktar spazju biex jaħdem fil-Parlament. Żied jgħid li 53% tan-Nazzjonalisti jemmnu li kellu raġun fil-proposti u l-kritika tiegħu meta kien deputat, filwaqt li 40% jarawh bħala kandidat validu għal xi kariga fit-tmexxija tal-PN.
Appella biex dan is-servej jiġi analizzat mill-PN għax jitfa’ dawl importanti fuq l-istat tal-partit illum.
Dr Franco Debono jgħaddi biex jitkellem dwar “ir-riformi kbar u storiċi” li ppropona u li llum saru liġijiet, li minnhom jibbenefika l-poplu Malti kollu”. Isemmi r-riforma olistika tal-ġustizzja, li mbotta l-qasma storika bejn il-Ministeri tal-Ġustizzja u l-Intern, u li kiteb il-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti. Jgħid li jekk xejn, ma sabbatx saqajh biżżejjed għax ir-riformi twettqu mal-bidla fil-Gvern.
B’referenza għall-kitba ta’ Norman Vella, Debono qal li trid tkun ma tistħix biex tkun wieħed mill-ħatja ta’ żewġ telfiet u tipponta subgħajk lejn ħaddieħor.
Għad-domanda fit-titlu tal-blogg, Franco Debono qal li jidher li n-Nazzjonalisti jixtiequ li jkun hawn ħafna aktar bħal Franco għax hu kien is-soluzzjoni, filwaqt li “oħrajn bħal Norman kienu l-problema”. Madanakollu jisħaq li “Norman għandu kontribut x’jagħti jekk kemm-il darba jinbidel l-atteġġjament tiegħu li huwa l-problema”.
Jekk tixtieq taqra l-kumment sħiħ ta' Dr Franco Debono u l-blogg ta' Norman Vella jista' tagħfas hawn.