Francis Zammit Dimech se jikkontesta l-kariga ta’ Kap tal-PN

L-eks Ministru Francis Zammit Dimech ħabbar li se jkun qed jikkontesta l-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista. Dr Zammit Dimech li għandu 58 sena ikkontesta l-elezzjonijiet ġenerali għall-ewwel darba fl-1981 u kien elett fil-Parlament għall-ewwel darba fl-1987 fejn imbagħad kien elett f’kull elezzjoni ġenerali. Huwa okkupa diversi karigi differenti ta’ Ministru.

F’kummenti mal-ġurnal ‘The Sunday Times’, Dr Francis Zammit Dimech sostna li kienu diversi persuni u kunsilliera fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, li ħeġġewh sabiex jikkontesta l-kariga ta’ kap tal-partit, hekk kif skont dawn, mhux ta’ min jitlef l-esperjenza vasta li għandu.

Intant, in-nomini għall-kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista jiftħu nhar it-Tlieta li ġej u jagħlqu nhar il-Ġimgħa 5 t’ April. L-ewwel votazzjoni għal din il-kariga se ssir nhar is-Sibt 4 ta’ Mejju u jekk ikun meħtieġ, il-votazzjonijiet ta’ wara jsiru fit-8 u l-10 ta’ Mejju.