Francis Zammit Dimech maħtur Segretarju Ġenerali interim

Delia oppona l-proposta ta’ Louis Galea

Read in English.

Francis Zammit Dimech ġie maħtur Segretarju Ġenerali interim sakemm issir ir-riforma fil-Partit Nazzjonalista mmexxija minn Louis Galea.

Dan jikkonferma l-aħbar ta’ Newsbook.com.mt li lbieraħ żvela kif l-eks MEP kien beda l-kampanja tiegħu b’laqgħat mal-Kumitati Sezzjonali u l-fergħat tal-PN.

Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li l-Kap Nazzjonalista oppona l-proposta ta’ Louis Galea biex ikun hemm tim ġdid ta’ tmexxija minn issa. Dan in-nuqqas ta’ qbil wassal biex jittieħed vot dwar kariga waħda dik ta’ Zammit Dimech bħala Segretarju Ġenerali sakemm titħejja r-riforma.

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li 56 vvutaw favur, 6 kontra u 11-il astensjoni inkluż tal-Kap Adrian Delia u tal-eks Segretarju Ġenerali Clyde Puli. Il-Partit Nazzjonalista ma ppubblikax ir-riżultat tal-vot.

Il-PN ħareġ stqarrija fis-sigħat bikrin tal-Erbgħa hekk kif ftit wara n-00:30 ntemmet il-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv.

L-istqarrija tgħid ukoll li “fuq direzzjoni ta’ Adrian Delia l-proċess ta’ riforma tal-istatut tal-partit se jkun qed jgħaddi għall-istadju finali tiegħu”.

Il-mument li ttieħed il-vot fid-Dar Ċentrali tal-PN
Ritratt: Monique Agius

Qabel ma bdiet il-laqgħa, id-deputat tal-PN Jason Azzopardi laqqat tgħajjir u insulti.