Francis Zammit Dimech iniedi l-kampanja għall-elezzjoni tal-MEPs

Francis Zammit Dimech sostna li jinsab determinat li jkompli jaħdem fil-Parlament Ewropew biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin waqt li nieda l-kampanja tiegħu għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

Waqt l-attività kien hemm preżenti bosta persuni prinċipali tal-Partit Nazzjonalista li tkellmu dwar Zammit Dimech. Il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li Zammit Dimech huwa team player, mimli b’enerġija pożittiva u bi spirtu żagħżugħ. Sostna li huwa testimonjanza ta’ altruwiżmu fil-politika.

Intant, l-eks-Prim Ministru Lawrence Gonzi qal li Zammit Dimech huwa mudell ta’ ambaxxatur tajjeb għall-pajjiż, ta’ reputazzjoni tajba, ta’ integrità, lealtà u serjetà. L-eks Kummissarju Ewropew u eks-Viċi Prim Ministru Tonio Borg sostna li hemm bżonn ta’ persuni tal-esperjenza bħal dik ta’ Zammit Dimech fil-Parlament Ewropew.