Francis Portelli ppremjat għal xogħlu f’San Vinċenz

L-infermier Francis Portelli rebaħ il-Premju tal-ħaddiem tas-sena tar-residenza San Vinċenz de Paul.
Fi stqarrija, is-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva qal li l-għan ta’ Portelli hu li jipprovdi ambjent ta’ dar lir-residenti u lill-impjegati fis-sala billi jlaqqa’ lill-impjegati u lir-residenti flimkien. L-impjegati huma wkoll involuti f’deċiżjonijiet li jittieħdu rigward it-tmexxija tas-sala.
Il-premju għat-tim tas-sena ntrebaħ mill-ħaddiema tal-istores tal-inġinerija. Skont is-Segretarjat Parlamentari, grupp ta’ 10 ħaddiema f’Novembru tal-2016 ingħaqdu biex flimkien isibu mezz kif jieħdu ħsieb aħjar f’dak li għandha x’taqsam l-inġinerija.
Matul is-serata, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis faħħar ix-xogħol li jsir mill-ħaddiema ta’ San Vinċenz de Paul taħt it-tmexxija ta’ Dr Josianne Cutajar sabiex jingħata servizz ta’ kwalità fir-rigward tal-kura tar-residenti. Agius Decelis sostna li d-dedikazzjoni ta’ kull ħaddiem tagħmel differenza kbira fil-ħajja tar-residenti u tal-familjari tagħhom.
Ritratti: DOI – Clifton Fenech