Fr Karm jgħid li One News użawh politikament

Fr Karm Debattista wera d-dispjaċir tiegħu għal mod kif il-midja użat b’mod politiku l-messaġġ tiegħu.
Fuq Facebook Fr Karm kiteb li “ma nistgħux inkomplu neskludu n-nies, nobgħoduhom u niġġudikawhom u mbagħad nistennew li jħobbu lil Kristu tagħna”.
Il-gazzetti Inews u One News qabdu dan il-messaġġ u rabtuh mal-vot li ttieħed dwar il-liġi għaż-żwieġ bejn koppji tal-istess sess.
B’reazzjoni għall-artikli ppubblikati Fr Karm qal li l-messaġġ tiegħu kien parti mill-ħsibijiet ġenerali li jaqsam ta’ kuljum b’rabta mal-mixja spiritwali u l-ħsieb Kristjan. Huwa wera d-dispjaċir tiegħu minħabba li l-gazzetti ma ċċekkjawx miegħu dwar dak li qal u dawru s-sens ta’ kitbietu.

Min-naħa tiegħu One News għalkemm irikonoxxa li Fr Karm tkellem b’mod ġenerali, huwa rabat kliemu mal-vot taż-żwieġ bejn koppji tal-istess sess,  għax fi kliem One News kienu diversi politiċi Laburisti li esprimew x-xewqa li persuni LGBTIQ ma jibqgħux iġġudikati.
Inews qabdu l-messaġġ tiegħu u qabluh mal-pożizzjoni tal-Knisja Maltija.
Aktar kmieni llum l-Arċisqof Charles Scicluna u l-Isqof Mario Grech fi stqarrija qalu li waqt li l-Knisja tirrispetta bis-sħiħ id-dinjità ta’ kull persuna, ikunu xi jkunu l-għażliet li tagħmel f’ħajjitha u r-relazzjonijiet li tħaddan, il-Knisja se tibqa’ taħdem favur iż-żwieġ bejn raġel u mara.  Huma żiedu jgħidu li l-mudell taż-żwieġ li dejjem ħaddnet l-umanità, li huwa l-mudell nisrani, iż-żwieġ jibqa’ dejjem ir-rabta esklussiva bejn raġel u mara, li hu miftuħ għat-tnissil tal-ulied.
Min-naħa tiegħu Fr Karm sostna li għalih iż-żwieġ kien u jibqa’ dejjem bejn raġel u mara fl-imħabba.