“Fr Charles bniedem ħabrieki u viċin in-nies” – Fr Josef Mifsud

Fr Charles Gauci Isqof ta' Adelaide

Read in English.

Fr Charles Gauci huwa magħruf għall-passjoni li għandu sabiex dejjem ikun viċin in-nies u jaħdem sabiex jipprovdilhom dak kollu li jkollhom bżonn fil-ħajja kattolika tagħhom.

Dan kien id-diskors ta’ Fr Josef Mifsud, il-kappillan tal-Knisja ta’ San Ġużepp f’Birkirkara meta mistoqsi dwar l-esperjenza tiegħu ma’ Fr Charles li l-Papa Franġisku laħħqu bħala l-Isqof tad-Djoċesi ta’ Darwin fl-Awstralja.

Fr Josef spjega li l-ewwel darba li ltaqa’ ma’ Fr Charles kien meta kien għadu seminarist u ntbagħat jagħmel esperjenza pastorali miegħu. Semma li miegħu kien hemm Fr Glenn Buhagiar, Fr Ronnie Zammit, Fr Anton D’Amato u Fr Leonard Mintoff.

Irrimarka li flimkien għamlu esperjenza pastorali ta’ sitt xhur fejn sostna li Fr Charles mhux talli kien ilaħħaq ma’ żewġ parroċċi iżda kien jaħdem bis-sħiħ fi skejjel, maż-żgħażagħ u mal-komunitajiet.

Spjega kif ħa l-inizjattiva li jqaddes f’ħinijiet addattati għaż-żgħażagħ, filwaqt li kellu rabta speċjali mas-soċjetà tal-mużew.

Fr Charles kien mar jgħix l-Awstralja meta kellu 13-il sena, flimkien mal-familja tiegħu. Madanakollu, Fr Josef sostna li xorta trabba jħobb il-kultura Maltija u għaldaqstant seta’ jifhem lilu u lis-seminaristi l-oħra Maltin li marru fil-paroċċa tiegħu għall-esperjenza.