“F’pajjżna nistgħu nilbsu li rridu u niżżewġu b’libertà u mhux forza” – Maġistrat

Il-Maġistrat Joe Mifsud sostna li f’Malta kulħadd għandu l-libertà li jilbes li jrid. Qal ukoll li individwu għandu dritt jiżżewweġ, bil-għażla tiegħu, lill-persuna li jkun iħobb, u bl-ebda mod m’għandu jkun sfurzat jidħol għal żwieġ irrinġat.

Hu qal dan waqt preżentata ta’ każ fejn raġel imwieled is-Sirja, sforza lil bintu ta’ 15-il sena tidħol għal żwieġ irranġat. Hu kien akkużat li kien jisfurzaha tilbes ilbies li ma kinitx trid tilbes u li kien jheddidha u jsawwatha bl-eventwalità li darabha ħafif.

Il-Maġistrat qal li l-Qorti trid tipproteġi lis-soċjetà u lill-vittma. Qal li fis-soċjetà Maltija mhux permess li xi ħadd iġiegħel lil persuna tilbes ilbies minflok ieħor. Sostna li dan japplika għal kulħadd, irrelevanti jekk il-persuna tkunx l-aktar għażiża għal dak li jkun jew le. Spjega li l-Qorti ma tindaħalx fl-għażliet personali tal-individwi bbażati fuq reliġjon jew tradizzjonijiet u lanqas trid timponi fuq simboli marbuta ma’ reliġjonijiet varji.

Hu kompla jispjega li l-Qorti tidħol fejn ikun hemm ksur ta’ liġijiet ta’ Malta u tara li l-ħajja tkun protetta mill-konċepiment sal-mewt.

“F’pajjiżna għandna l-għażla nilbsu li rridu u jekk niddeċiedu li niżżewġu nistgħu nagħmlu dan b’għażla libera lil persuna li tkun tħobb u mhux żwiġijiet irranġati jew bil-forza,” insista Mifsud.

“Il-Qorti ma tistax tieħu l-ksur ta’ ordni b’mod leġġer”

Il-Maġistrat tkellem ukoll dwar l-importanza li wieħed jirrispetta l-ordnijiet tal-Qorti. Hu qal dan fid-dawl li l-akkużat kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu f’digriet maħruġ mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit fejn kien ingħata l-ħelsien mill-arrest taħt garanzija.

Mifsud qal li l-ordni tal-Qorti m’għandhiex tinkiser. Sostna li l-Qorti tkun tat tali ordni biex tissalvagwardja kemm lis-soċjetà u anke lill-persuni li jkunu jeħtieġu l-protezzjoni fil-każ ikkonċernat. Qal li l-Qorti ma tistax tieħu l-ksur ta’ ordni b’mod leġġer għax jekk il-Qorti tkun leġġera, tkun qed tagħti l-impressjoni li tħalli lil min jiġi jaqa’ u jqum mill-ordnijiet tagħha jew tal-kollegi tagħha.

Jinżamm taħt arrest

Ir-raġel, li kien ordnat divjett fuq ismu biex tkun protetta bintu li hija minorenni, baqa’ jinżamm taħt arrest.

Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispettur John Spiteri.