“Il-ġurnalisti nisa aktar mhedda mill-irġiel” – A4E

L-Assoċjazzjoni għall-Ugwaljanza A4E, ikkundannat bil-qawwa kollha l-assassinju brutali tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni tisħaq li waħda mill-pilastri ta’ demokrazija li tiffunzjona hija stampa ħielsa.
Qalet li t-tendenza hija li ġurnalisti nisa jesperjenzaw aktar theddid u vjolenza mill-kollegi tagħhom irġiel.
L-A4E rreferiet għar-rapport mill-OSCE li kkonkluda li l-ġurnalisti u l-bloggers nisa madwar id-dinja, huma miżgħuda b’theddid ta’ qtil, stupru u vjolenza fiżika.
Fl-aħħar tliet xhur biss, inqatlu tliet nisa ġurnalisti: Kim Wall, Gauri Lankesh u Daphne Caruana Galizia.
Tħassib mill-Maltin fl-Iżvizzera dwar l-implikazzjonijiet fuq id-demokrazija
Il-komunità Maltija fl-Iżvizzera esprimiet ix-xokk u t-tħassib tagħha, filwaqt li kkundannat l-attakk dirett fuq il-libertà tal-espressjoni.
Appellat biex issir ġustizzja fil-każ tal-assassinju ta’ Caruana Galizia u li l-investigazzjoni titmexxa minn awtorità investigattiva internazzjonali, li terfa’ r-responsabbiltà kollha.
Qalu li l-qtil ta’ Daphne ma ħalliex biss il-pajjiż f’luttu, imma anke mħasseb dwar l-implikazzjonijiet serji li se jkollu fuq id-demokrazija.
“Nittamaw li ssir ġustizzja” – MUDU
Il-Malta University Debating Union (MUDU), tingħaqad mal-ħafna vuċijiet li qed jikkundannaw il-qtil ippjanat tal-ġurnalista u blogger Daphne Caruana Galizia.
Fi stqarrija, l-MUDU qalet li l-għan tagħha hu li tippromwovi skambju ħieles ta’ ideat permezz tad-diskussjoni u dibattiti, li jirrispettaw id-dritt għall-espressjoni ħielsa u d-dinjità ta’ kull persuna.
Tisħaq dwar l-importanza li dawn il-valuri jiġu mgħallma permezz tal-edukazzjoni.
L-MUDU esprimiet appoġġ mal-familja Caruana Galizia f’dan il-perjodu diffiċli u tittama li ssir ġustizzja. Tawgura li jissaħħu l-istituzzjonijiet li jaġixxu bħala garanzija għall-espressjoni ħielsa.
Assassinju DCG: Il-Prim Ministru għandu jiddikjara ġurnata ta’ luttu nazzjonali- MASW
L-Assoċjazzjoni tal-Ħaddiema Soċjali Maltin (MASW) qalet li qed issejjaħ lil Prim Ministru Joseph Muscat biex dan jiddikjara ġurnata ta’ luttu nazzjonali.
Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni qalet li huwa importantissimu għad-demokrazija ta’ Malta li nies kompetenti u rispettati jmexxu l-aġenziji u l-istituzzjonijiet tal-pajjiż.
L-MASW żiedet tgħid li dan l-assassinju heżżeż lil Malta u kkawża ħsara morali li tista’ tkisser il-valuri tal-espressjoni ħielsa u d-demokrazija.
Assassinju DCG: "L-investigazzjoni għandha tkun prijorità nazzjonali" – TPPI
Il-Bord tat-Today Public Policy Institute (TPPI) qal li investigazzjoni indipendenti, komprensiva, u rapida dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia għandha tkun prijorità nazzjonali tal-Gvern.
Fi stqarrija, it-TPPI qalet li dan irid isir biex il-publiku jerġa’ jibda jafda lill-istituzzjonijiet demokratiċi
Il-Bord iddeskriva lil Caruana Galizia bħala l-aqwa ġurnalista investigattiva indipendenti ta’ Malta li dejjem kienet titkellem dwar l-importanza ta’ governanza tajba. 
“Għandna nitolbu bidla” – Andrew Azzopardi
Id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħieħ tas-Soċjetà fi ħdan l-Università ta' Malta Andrew Azzopardi qal li quddiem l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, il-poplu għandu jfittex ġewwa fih innifsu biex isib rispons iebes u kontinwu għal dak li ġara.
Azzopardi spjega li sussegwentement għandu jitlob bidla.
Fi stqarrija, il-Fakultà kitbet li qed titlob

  • għal dibattitu pubbliku adegwat li jħalli l-investigaturi jwettqu xogħolhom fis-serenità
  • li l-importanza tal-midja tiġi rikonoxxuta
  • li jkun hemm assigurazzjoni li l-istituzzjonijiet tal-pajjiż huma imparzjali
  • li kull protezzjoni meħtieġa tingħata lill-ġurnalisti biex ikunu jistgħu jwettqu xogħolhom
  • li jsir aktar għarfien dwar l-importanza tad-dibattiti u l-ġurnaliżmu investigattiv

"Min jikxef l-għawar ta’ ħaddieħor ma jinqatilx" – UĦM
Il-Unjin Ħaddiema Magħqudin (UĦM) qalet li  l-Maltin mhux qed jgħixu f’pajjiż normali, għax f’pajjiż normali min jikxef l-għawar ta’ ħaddieħor ma jinqatilx.
L-UĦM qalet li l-ġurnaliżmu Malti tilef pilastru tal-libertà ħielsa u li Malta tinsab f’luttu bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
L-unjin stqarret li t-Tnejn 16 ta’ Ottubru se jibqa’ imfakkar bħala jum ieħor iswed f’Malta.
Staqsiet kif jista’ wieħed ma jinħasadx meta jisma’ b’omiċidju bħal dan. Iddeskriviet dan l-assassinju bħala wieħed pjanat u preċiż biex jelimina darba għal dejjem persuna li ma ddejqitx tikteb il-verità.
Filwaqt li esprimiet l-kondoljanzi tagħha lill-familja ta’ Daphne Caruana Galizia, il-UĦM awgurat li ssir ġustizzja malajr u biex ma jinħeliex iż-żmien biex il-ħati jew il-ħatja jinqabdu u jiġu kkastigati ta’ għemilhom.
“Kulhadd għandu dritt li jesprimi ruħu” – Forum Unjins Maltin
Fi stqarrija, il-Forum Unjins Malta (For.U.M) qalet li temmen li kulħadd għandu dritt li jesprimi ruħu u jagħti l-opinjoni tiegħu b’liema mezz li hemm bżonn.  Ikkundannat bla riserva dan l-att barbaru u kodard tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-For.U.M. saħqet li traġedji bħal dawn mhumiex posthom f’kwalunkwe pajjiż demokratiku. Il-For.U.M. qalet li qed titlob lill-Gvern biex jiżgura li ċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess faċli u effiċjenti sabiex ikollhom ċ-ċans li jieħdu rikors legali kif suppost f’każ li jħossuhom inġurjati.