“F’pajjiż ieħor il-Ministru will just shut up and vanish” – Fenech Adami

Id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li l-eks Ministru għall-Intern Michael Farrugia dam tliet xhur biex ħa azzjoni fuq l-iskandlu tal-overtime tal-pulizija tat-traffiku u kien biss il-whistleblower li ħarġu fil-beraħ. Madanakollu stqarr li l-poplu għadu fl-għama dwar x’qed jiġri fil-korp tal-pulizija.

“Inkredibilment Michael Farrugia baqa’ jgħid li m’għandux jaqasam. F’pajjiż ieħor il-Ministru will just shut up and vanish,” qal Fenech Adami.

Huwa qal li issa qed jiġri l-istess bħalma qed joħroġ fil-Qrati “fil-każ tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, li l-Gvern ta’ Joseph Muscat kien qed jinforma dwar dak li kien qed jiġri lill-qattiel iżda żamm lill-poplu fl-għama”.

“Il-Gvern iressaq l-emendi wara 6 kummissarji u 4 ministri”

Fenech Adami saħaq li l-Gvern qed jipproponi emendi fil-liġi tal-pulizija biex jinħatar kummissarju tal-pulizija ġdid wara li għamel ‘tgħaffiġa’.

“Ministru ma tistax tiġi fil-Parlament, frisk daqs ħassa, qisek dieħel fil-gvern għall-ewwel darba mill-bankijiet fl-Oppożizzjoni u tgħid se nbiddel hawn u nbiddel hemm. Int qiegħed hawn b’dawn l-emendi wara li għamiltu froġa wara l-oħra, wara kellna kollass totali, fejn fl-aħħar snin inħatru sitt kummissarji tal-pulizija u erba’ Ministri għall-Intern,” insista Fenech Adami.

Fenech Adami qal li l-Public Service Commission li se tkun fdata bl-għażla tal-kummissarju l-ġdid hija fil-maġġjoranza tagħha maħtura mill-Gvern. Huwa qal li l-pajjiż ma jiflaħx iżjed li jkollu kummissarju tal-pulizija li ma jgawdix il-fiduċja tal-poplu. Fenech Adami qal li għalhekk l-Oppożizzjoni qed tipproponi li kummissarju jiġi maħtur miż-żewġ terzi.

Meta rrefera għal każ tal-pulizija tat-traffiku, Fenech Adami qal li 80% ta’ branka importanti fil-korp tal-pulizija kienet korrotta.