F’Paceville xufier tat-taxi jispiċċa msawwat mill-klijenti tiegħu stess

Xufier tat-taxi li matul il-lejl li għadda għall-ħabta tas-2.10 ta’ filgħodu wassal grupp ta’ żgħażagħ Paceville spiċċa vittma ta’ vjolenza tagħhom stess, eżatt wara li wassalhom fid-destinazzjoni.
Persuni li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu kif matul il-lejl ta’ bejn nhar is-Sibt u nhar il-Ħadd li għadda, raw vann tal-eCABS jipparkja quddiem il-lukanda Intercontinental ta’ Paceville. Ftit minuti wara, raw lix-xufier joħroġ mill-vettura.
Warajh ħarġu sitt żgħażagħ, kollha rġiel, li bdew jattakkawh fiżikament. Jidher li għal xi raġuni ż-żgħażagħ bdew jargumentaw max-xufier fit-taxi u wasslu sakemm aggredewh b’mod vjolenti f’nofs it-triq.
Kien l-intervent f’waqtu tas-sigurtà tal-lukanda li waqqaf il-ġlieda. Meta ż-żgħażagħ, li mid-diskors tagħhom dehru li kienu kemm Maltin kif ukoll barranin, raw is-sigurtà tal-lukanda, ħarbu. Ix-xufier deher jidħol lura fil-vann u jsuq ‘l hemm.
Il-persuni li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt esprimew l-inkwiet tagħhom għall-fatt li dan il-każ seta’ spiċċa ħażin ħafna li kieku ma kienx għall-intervent tas-sigurtà. Appellaw lill-awtoritajiet Maltin sabiex iżidu l-ammont ta’ pulizija li jkun hemm fl-inħawi ta’ Paceville.
Qalu li l-maġġoranza tal-persuni f’dawk in-naħat kienu żgħażagħ fis-sakra, u sostnew li ma jistax ikun li f’post fejn attakki vjolenti jseħħu fuq bażi regolari, ma tarax lanqas pulizija wieħed fit-triq.