F’Ottubru tal-2020 konvenzjoni għall-Maltin li jgħixu barra minn Malta

F’Ottubru tas-sena d-dieħla se tiġi organizzata konvenzjoni għall-Maltin li jgħixu Malta bl-isem ta’ ‘Keeping Connected’. Din il-konvenzjoni se jkollha numru ta’ workshops li se jkunu magħmulin minn persuni Maltin li jgħixu barra minn Malta. F’dawn il-gruppi l-parteċipanti se jkollhom l-opportunità li jiddiskutu u jressqu diversi ideat.

Din il-konvenzjoni tħabbret mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-għeluq tal-għaxar laqgħa annwali tal-Kunsill tal-Maltin li jgħixu barra minn Malta.

Il-Ministru rrimarka li żdiedu l-ammont ta’ Maltin jgħixu barra minn Malta u dan jista’ jidher mill-ammont ta’ formoli D li mtlew matul dan l-aħħar żmien. Il-Ministru żied li t-tagħlim tal-Malti dalwaqt se jkun jista’ jsir online permezz ta’ ħolqien ta’ pjattaforma diġitali. Dan il-proġett qed isir mill-Ministeru tal-Edukazzjoni.

Il-Ministru għamel referenza għad-diversi temi li ġew diskussi waqt din il-laqgħa annwali. Dawn kienu jinkludu r-Reviżjoni tal-Att XX tal-2011 li jirregola dan il-Kunsill; bdil ta’ programmi kultura; reġistrazzjoni tal-propjetà li Maltin li jgħixu barra għandhom fil-Gżejjer Maltin, is-sottotitoli fuq produzzjonijiet Maltin; materji li għandhom x’jaqsmu mal-Identità Malta; il-passaport tal-kbar maħruġ minn Heritage Malta; il-mod kif wieħed iħajjar aktar żgħażagħ  jagħtu sehemhom; kif ikun hemm komunikazzjoni aħjar mad-dijaspora Malti; u t-twaqqif tal-Kumitati Reġjonali.

Il-Ministru Abela tkellem kif l-idea ta’ Malta globali f’dinja globalizzata hija l-mod kif wieħed irid iħares lejn id-dijaspora Maltija fis-snin li ġejjin. Żied li ‘m’hemmx aħna u huma, interessi tagħhom u interessi tagħna, imma interessi komuni li jixprunaw modi ta’ assimilazzjoni fil-mod kif Malta bħala poplu hu fejn hu jimxi ’l quddiem.’

Il-Ministru Abela rrikonoxxa l-ħidma siewja li qed issir mill-Kunsill u mid-Direttorat responsabbli mill-Maltin li jgħixu barra, li minn din is-sena ġie assorbit f’direttorat akbar li jiġbor fih ukoll is-servizzi konsulari.