F’Ottubru Malta bit-tieni l-inqas rata ta’ qgħad fl-UE

F’Ottubru li għadda r-rata tal-qgħad f’Malta naqset għal 3.5%.
Dan ifisser li Malta għandha t-tieni l-inqas rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropa. L-inqas rata ġiet irreġistrata fir-Repubblika Ċeka b’2.7%.
Fi stqarrija, il-Gvern qal li din hija “l-ewwel darba fl-istorja” li Malta għandha l-inqas rata ta’ qgħad fiż-żona ewro mindu bdiet tinġabar din l-istatistika fis-sena 2000. Dan minħabba li r-Repubblika Ċeka ma tiffurmax parti miż-żona Ewro għaliex tuża l-krona Ċeka flok l-ewro.
Ir-rata ta’ qgħad medja fl-Unjoni Ewropea hija ta’ 7.4% filwaqt li dik fiż-żona ewro hija ta’ 8.8%.
Il-Gvern qal li fattur ewlieni wara t-tnaqqis fil-qgħad kien is-suċċess ta’ programmi biex iktar żgħażagħ jidħlu fid-dinja tax-xogħol, bħall-garanzija għaż-żgħażagħ.