F’Ottubru kważi 100mm ta’ xita

Matul ix-xahar t’Ottubru fil-Gżejjer Maltin niżlu 94mm ta’ xita, 20mm aktar meta kkumparat mal-istess xahar fis-snin li għaddew. Fi stqarrija l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta spjega li matul ix-xahar t’Ottubru il-Gżejjer Maltin inlaqtu minn 11-il maltempata, sitt maltempati aktar mill-medja tas-snin l-imgħoddija.

Bejn Settembru u Ottubru t-temperaturi medja niżlu minn 25.6°C għal 22.3°C. Dan ifisser li din is-sena t-temperatura żdiedet bejn nofs grad u grad meta kkumparat mal-istess xahar fis-snin ta’ qabel. It-temperaturi f’dan ix-xahar ivarjaw minn 15.9°C għal 29.3°C.

Matul ix-xahar t’Ottubru l-jiem xemxin laħqu l-medja ta’ 6.8 sigħat li b’kollox ammontaw għal 212.1 sigħat ta’ xemx, b’kopertura tas-sħab medja li laħqet 3.2 oktas.