Fotografa Maltija tlaqqa’ eks koppji fil-post li ltaqgħu

Fotografa Maltija ddeċidiet li taħdem fuq proġett interessanti fejn laqqgħet mill-ġdid koppji li issa m’għadhomx flimkien, fil-post fejn kienu ltaqgħu għall-ewwel darba.

Meta koppja tinfired, ħafna drabi ma tantx tkun tixtieq tara lill-persuna l-oħra, aħseb u ara tieħu ritratt magħhom għall-proġett li se jkun qed jintwera lill-pubbliku. Dan speċjalment jekk ir-relazzjoni ma tkunx intemmet b’mod tajjeb ħafna. Minkejja dan, Justine Ellul, irnexxielha tlaqqa diversi eks koppji u tiddokumenta dan il-mument permezz ta’ ritratti.

Permezz ta’ post fuq Instagram, Ellul spjegat li dan il-proġett bl-isem ta’ Strings kienet ħadmet fuqu sena ilu. Spjegat li kienet ispirata minn tmiem ta’ relazzjoni tagħha u minn hemm kompliet tagħmel riċerka psikoloġika dwar is-suġġett. Spjegat li matul il-proġett tgħallmet ħafna perspettivi differenti u spjegat kif ħafna drabi nsibu ruħna nassumu abbażi ta’ posts li jittellgħu online u l-mod kif dawn jaffettwaw kwalunkwe forma ta’ relazzjoni.

Sostniet li hi tinsab grata lejn il-kuraġġ, l-onestà u l-ħin tal-parteċipanti kollha li wasslu għal wieħed mill-akbar expos tagħha sal-lum.