Fosos Rumani jwaqqfu l-ħidma fuq l-iskola ta’ Barts

Is-sejba ta’ fosos Rumani wasslu biex ix-xogħol fuq l-iskola Medika ta’ Barts f’Għawdex jieqaf għal ftit ġimgħat.
Dan qalu l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fi tweġiba għall-mistoqsija tad-Deputat Laburista Glenn Bedinfield.
Dr Fearne qal li is-sejba arkeoloġika wasslet biex ix-xogħol ikollu jieqaf sakemm isiru l-istudji neċessarji mis-Soprintendenza għall-Beni Kulturali.
Il-proġett tkompla wara li saru xi emendi għall-pjanti oriġinali b’mod li l-fdalijiet arkeoloġii misjuba jkunu mħarsa, u skont il-Ministru għas-Saħħa issa jinsab miexi skont il-pjan.
Ix-xogħol fuq l-iskola ta’ Barts inbeda f’Marzu li għadda u issa huwa stmat li jkun lest sal-aħħar tal-2018.
Oriġinarjament, skont ftehim iffirmat fl-2015, l-iskola medika ta’ Barts kellha tilqa' l-ewwel studenti tagħha f’Settembru 2016.