Fosdqa għal trabi morda

Teknoloġija li tintuża fil-qasam tat-tiġrijiet tal-karrozzi tal-Formula 1 kienet il-bażi li wasslet għall-iżvilupp ta’ fosdqa biex ikunu trasportati trabi morda.
Sal-lum, dawn it-trabi kienu jivvjaġġaw minn pajjiz għal ieħor permezz ta’ inkubaturi. Issa, il-materjal u t-teknoloġija użata mill-karrozzi Williams, li kull sena jonfqu mal-€114 miljun biex il-karozzi tagħhom ikunu l-aħjar fit-tlielaq, qed tintuża għall-Babypod 20.
Il-Babypod 20 hija fosdqa magħmula minn materjal ħafif imma reżistenti. Ġewwa għandha kisja ratba u komda u tingħalaq b’għatu trasparenti. HIja ddisinjata biex trabi li jkunu morda u jinħtieġu kura f’pajjiż ieħor ikunu trasportati b’aktar ħeffa, sigurtà u kumdità. Il-Babypod 20 tidħol kemm f’ajruplan, helicopter kif ukoll f’karrozza u ambulanza.
It-trasport ta’ trabi morda mhux faċli minħabba li t-temperatura trid tkun waħda kostanti, iridu jkunu mgħassa l-ħin kollu u jridu jkunu protetti minn ħsejjes u vibrazzjoni. Għalkemm s’issa dejjem intużaw l-inkubaturi, dawn huma goffi u jinħtieġu mhux biss ikunu kkumnikati ma’ sors elettriku imma jinħtieġu vetturi speċjalizzati biex jittrasportawhom.