Forzi tan-NU għaż-Żamma tal-Paċi akkużati li mhux jipproteġu lin-nies

Forzi tan-NU għaż-żamma tal-paċi jabdikaw mill-mandat tagħhom

Isqfijiet mill-Afrika Ċentrali akkużaw forzi tan-Nazzjonijiet Uniti li ntbagħtu fil-pajjiż biex jassiguraw iż-żamma tal-ordni, li mhux jaqdu dmirhom u mhux qed jiddefendu l-popolazzjoni ċivili fil-pajjiż.

Fi stqarrija wara laqgħa li kellhom, l-Isqfijiet, filwaqt li faħħru lil dawk il-kontiġenti tal-“Brieret Blu” – kif inhuma magħrufa s-suldati tan-Nazzjonijiet Uniti – li jaqdu dmirhom kif suppost u jipproteġu lill-poplu, iddeploraw kontiġenti oħra li qed iħallu s-sitwazzjoni teħżien quddiem għajnejhom u jieħdu vantaġġ mis-sitwazzjoni.

Skont l-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES, din is-sitwazzjoni qed japprofittaw minnha il-Marokkini fin-naħa tal-Lvant tal-pajjiż, il-Pakistanti f’Batangafo u nies mill-Mauretania f’Alindao.  Din l-imġieba żbaljata qed tkompli taggrava s-sitwazzjoni fil-pajjiż.

L-Isqfijiet sostnew li s-sitwazzjoni fil-pajjiż hi waħda drammatika. “B’dispjaċir ninnutaw li ħlief fil-kapitali u xi bliet oħra, l-Istat hu assenti u għandu biss preżenza formali. Funzjonijonarji ċivili u militari, anke f’żoni fejn m’hemmx gruppi armati, ma għandhomx mezzi biex jaħdmu u n-numru tagħhom hu biss wieħed simboliku”.

Żoni kbar fl-Afrika Ċentrali jinsabu fil-kontroll ta’ gruppi armati li ripetutament qed iwettqu vjolenza inumana u ksur sfaċċat tad-drittijiet umani, jarrestaw niex bl-addoċċ, jaħtfu l-persuni u anke jittorturawhom.

Problema oħra li l-Isqfijiet Afrikani kkundannaw hi l-instabilità li teżisti f’postijiet kontrollati minn gruppi armati. F’dawn il-postijiet meta jaslu r-raħħala minn pajjiżi tal-qrib, ikun hemm kunflitti mal-bdiewa.  In-nuqqas ta’ sigurtà fuq il-fruntiera qed tiffaċilità t-traffikar tal-armi u l-wasla ta’ merċenarji miċ-Chad, is-Sudan, il-Cameroon, in-Niger u l-Uganda.

Għalhekk, l-Isqfijiet talbu lill-gvernijiet ta’ dawn il-pajjiżi “biex juru umanità billi għall-ġid ta’ kulħadd, jgħinu lir-Repubika tal-Afrika Ċentrali toħroġ mis-sitwazzjoni ta’ anarkija li tinsab fiha. Pajjiż destabilizzat joħloq problema internazzjonali”, sostnew l-Isqfijiet.

Skont l-aġenzija FIDES, il-Knisja Kattolika li rat ħafna qassisin u fidili oħra jinqatlu,  affermat l-impenn tagħha għall-paċi u se tkompli twassal id-Dawl ta’ Kristu Salvatur lid-Dinja.

“Kristu ġie biex jeħles lill-bniedem mhux biss mid-dnub imma anke mill-konsegwenzi tad-dnub. Bħala nsara Kristu jitlob minna li nieħdu sehem fil-missjoni Tiegħu għall-ħelsien totali tal-bniedem billi nibdew mill-foqra u l-emarġinati”, temm l-istqarrija tagħhom l-Isqfijiet tal-Afrika Ċentrali.