Forzi tal-ordni attakkati fil-Ġermanja għax pruvaw jimplimentaw restrizzjonijiet għall-coronavirus

REUTERS/Fabrizio Bensch

Read in English.

L-awtoritajiet fir-reġjuni Ġermaiżi ta’ Goettingen u North Rhine Westphalia kellhom isejħu l-għajnuna tal-pulizija biex jinfurzaw miżuri ta’ kwarantina u iżolament wara żieda ta’ infezzjonijiet lokali bil-coronavirus.

Uffiċjali tas-saħħa sabu diffikultà biex iżommu l-lockdown f’blokka kbira f’Goettingen wara li wħud mir-residenti rvellaw fi tmiem il-ġimgħa hekk kif mas-700 persuna tpoġġew f’kwartantina.

“Madwar 200 persuna pruvaw joħorġu ‘l barra, iżda l-bqija osservaw ir-regoli”, spjega Uwe Luehrig, Kap tal-Pulizija lokali waqt konferenza tal-aħbarijiet. Fil-kommozzjoni li nqalat, tmiem membri tal-korp spiċċaw midruba wara li residenti attakkawhom bi flixken, logħob tan-nar u biċċiet tal-ħadid.

Intant, awtoritajiet fin-North Rhine Westphalia talbu lil 7,000 impjegat u l-familji tagħhom biex jibqgħu fi kwartantina wara li aktar minn 1,300 ħaddiema f’ditta tal-ipproċessar tal-laħam irriżultaw pożittivi għall-coronavirus.

Armin Laschet, Prim Ministru ta’ dan l-Istat, talab lill-uffiċjali tal-konsolati tal-Polonja, Bulgarija u Rumanija biex jidentifikaw interpreti li setgħu jikkonvinċu lill-ħaddiema ta’ dan l-impjant biex josservaw il-lockdown.

Laschet spjega li dawn il-persuni jgħixu f’1,300 proprjetà differenti mal-famiji tagħhom u kien hemm bżonn li huma jibqgħu fi kwarantina biex ma jinxteridx il-virus. Huwa spjega kif uffiċjali tal-forzi tal-ordni kellhom jissejjħu biex jagħtu għajnuna hekk kif mhux il-ħaddiema kollha riedu jaċċettaw din l-impożizzjoni ġdida.

Il-Ġermanja kienet meqjusa bħala storja ta’ suċċess fl-Ewropa għall-mod kif irnexxilha tikkontrolla l-imxija tal-pandemija, iżda l-infezzjonijiet reġgħu qed jiżdiedu.

Skont l-Istitut Robert Koch, ir-rata ta’ riproduzzjoni tal-infezzjonijiet fil-pajjiż, maħduma fuq l-erbat ijiem ta’ qabel, telgħet għal 2.88 sa tmiem il-ġimgħa.

Fil-pajjiż b’kollox kienu kien ukkonfermati ftit anqas minn 190,000 każ filwaqt li 8,882 persuna tilfu ħajjithom minħabba l-Covid-19.