Forzi fil-lvant tal-Libja jwaqqfu l-operazzjonijiet militari

FILE PHOTO: Khalifa Haftar REUTERS/Philippe Wojazer/File Photo

Read in English.

Il-forzi fil-lvant tal-Libja se jwaqqfu l-attakki matul ir-Ramadan, qal kelliem nhar l-Erbgħa, wara li sofrew sensiela ta’ disfatti matul ġimgħat ta’ ġlied qalil kontra l-forzi tal-gvern rikonoxxut internazzjonalment. 

Ahmed Mismari, kelliem għall-Armata Nazzjonali Libjana (LNA) tkellem waqt xandira televiżiva fejn qal li l-waqfien mill-ġlied ġie wara talba tal-komunità internazzjonali u “pajjiżi ħbieb”. 

Kemm l-LNA kif ukoll il-Gvern ta’ Għaqda Nazzjonali (GNA) ibbażat fi Tripoli diġà ddikjaraw darbtejn li kienu se jwaqqfu l-ġlied din is-sena, imma kien hemm żieda qawwija fil-ġlied ix-xahar li għadda. 

Il-Libya ilha mill-2014 maqsuma bejn il-GNA fi Tripoli u f’xi territorji oħra fil-majjistral tal-pajjiż, u amministrazzjoni parallela bbażata f’Benghazi fil-lvant. 

Il-kmandant tal-LNA, Khalifa Haftar beda gwerra sena ilu biex jaħtaf il-belt ta’ Tripoli, imma forzi favur il-GNA dan ix-xahar ħadu lura diversi żoni bl-għajnuna ta’ appoġġ militari mit-Turkija, l-aktar permezz ta’ drones li attakkaw il-linji tal-provvista tal-lvant.

L-LNA, li hija appoġġata mill-Emirati Għarab Magħquda, ir-Russja u l-Eġittu, ilha tattakka lill-belt kapitali għal ġimgħat sħaħ, f’sensiela ta’ bombardamenti li wasslu għal kritika ripetuta min-Nazzjonijiet Magħquda. 

Sptarijiet f’partijiet ta’ Tripoli kienu milquta ripetutament minn bombi f’dawn l-aħħar ġimgħat, minkejja t-theddida tal-pandemija tal-coronavirus li qed jaffaċċja l-pajjiż. 

Nhar l-Erbgħa, l-organizzazzjoni Human Rights Watch qalet li l-LNA s-sena l-oħra kienet attakkat fabbrika tal-gallettini, fejn inqatlu tmien persuni f’attakk imsejjaħ “apparentement illegali”. L-LNA ma tat l-ebda kumment dwar dan ir-rapport. 

Ma kien hemm l-ebda rispons immedjat min-naħa tal-GNA għad-dikjarazzjoni tal-LNA għall-waqfien mill-ġlied, imma Mismari qal li l-forzi bbażati fil-lvant kienu se jżommu d-dritt li jirritaljaw f’każ ta’ attakk. Ramadan, ix-xahar qaddis tal-Islam, beda l-ġimgħa l-oħra. 

Dan kollu qed iseħħ fi sfond ta’ inċertezza politika fil-kamp tal-lvant, meta nhar it-Tnejn Haftar iddikjara li l-armata kienet se tieħu l-poter f’idejha u effettivament tinjora ftehim politiku tal-2015 li kien il-bażi għall-isforzi internazzjonali kollha biex jerġa’ jkun hemm il-paċi fil-pajjiż. 

L-Eġittu u r-Russja, tnejn mill-pajjiżi li jappoġġjaw lil-LNA, irrifjutaw li japprovaw jew jiċħdu din il-mossa, fejn Haftar għadu jrid jispjega kif se jopera l-gvern il-ġdid jew x’relazzjoni dan se jkollu mal-parlament ibbażat fil-lvant. Haftar huwa rikonoxxut bħala l-forza li qed tikkontrolla l-lvant tal-Libja minkejja l-gvern nominali magħmul minn amministrazzjoni ċivili.