Forum li jgħaqqad is-setturi tan-negozju u d-diżabilità

Forum ġdid – l-ewwel wieħed tat-tip tiegħu f’Malta – għandu l-għan li jibni rabtiet aktar mill-qrib bejn is-setturi tad-diżabilità u n-negozju, billi joħloq pjattaforma għal diskussjoni u jtejjeb id-djalogu bejn persuni b’diżabilità u organizzazzjonijiet tan-negozju.

Il-Malta Business Disability Forum, immexxi mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD), twaqqaf uffiċjalment permezz tal-iffirmar ta’ Memorandum of Understanding bejn id-disa’ membri tiegħu.

Minbarra s-CRPD, bħala fundaturi hemm il-Malta Chamber of Commerce, Enterprise and Industry; il-Malta Employers’ Association u l-GRTU – Malta Chamber of SMEs. Ma’ dawn ingħaqdu l-MFOPD – Malta Federation Organization of Persons with Disability; il-Fakultà għall-Benesseri Soċjali; l-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali; il-Kamra tan-Negozju ta’ Għawdex u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.

“Ridna ngħaqqdu partijiet interessati minn oqsma differenti iżda b’enfasi komuni, biex noħolqu vuċi aktar b’saħħitha u unifikata biex twassal azzjoni konkreta. Aħna nħossu li dan il-forum – l-ewwel wieħed tat-tip tiegħu f’Malta – għandu potenzjal straordinarju u aħna eċitati ħafna li nmexxuh ‘il quddiem,” qal il-Kummissarju tas-CRPD Oliver Scicluna.

Ibbażat fuq twaqqif simili li sar fir-Renju Unit, din l-entità se tiffoka wkoll fuq li tnaqqas id-distakk bejn min iħaddem u persuni b’diżabilità.

Hemm aktar minn 19,000 persuna b’diżabilità reġistrati mal-Kummissjoni. Madankollu, għad baqa’ ħafna ostakli fejn tidħol aċċessibilità u impjieg għal persuni b’diżabilità.

Flimkien, l-entitajiet li jiffurmaw parti mill-Forum se jaħdmu biex jimmassimizzaw l-aċċessibilità għal persuni b’diżabilità fl-isferi tan-negozju u x-xogħol. Jaħdmu wkoll biex jgħinu biex titnaqqas id-differenza bejn in-negozju u l-persuni b’diżabilità u jippromwovu l-aċċessibilità fl-għoti tas-servizz filwaqt li jissaħħu l-aspirazzjonijiet għal karriera u l-impjieg ta’ persuni b’diżabilità.

Il-Forum se jaħdem ukoll biex jidentifika kwistjonijiet li jirrikjedu azzjoni u attenzjoni u biex jinfluwenza lill-gvern u l-persuni li jfasslu l-politika biex ineħħu l-ostakli u jibdlu l-leġiżlazzjoni u l-prattiki burokratiċi.

Se jaġixxi wkoll bħala punt ta’ referenza għall-gvern u dawk li jfasslu l-politika biex jipprovdi rispons għal politiki ġodda. Il-Forum se jaħdem biex jikkummissjona riċerka fil-qasam tad-diżabilità u n-negozju, jesplora interlinks u jipprovdi evidenza għal azzjoni; biex juri l-potenzjal għal negozju u impjieg ta’ persuni b’diżabilità, bħala konsumaturi u sidien ta’ negozji u biex jiġġenera kuxjenza pubblika dwar dawn il-kwistjonijiet.