Forti Chambray dalwaqt bis-suldati u ż-żwiemel

Kull min din is-sena se jattendi Betlehem f’Għajnsielem se jkun jista’ jara numru ta’ attrazzjonijiet ġodda, fosthom il-bdil f’Fort Chambray, li se tinbidel f’fortizza Rumana bis-suldati u ż-żwiemel.
Attrazzjonijiet ġodda oħra jinkludu l-opportunità li wieħed jirkeb fuq dgħajsa Maltija u jaqsam xmara żgħira, strutturi ġodda biex jakkomodaw lin-nies u application tal-ismartphone li tirrakkonta l-istorja tan-Nattività filwaqt li viżitaturi oħra jkunu jistgħu jduru madwar il-presepju.
F’dik li se tkun is-sitt edizzjoni ta’ Betlehem f’Għajnsielem, wieħed għal darb’oħra se jkollu l-opportunità jorqod fil-presepju ħaj, li joffri l-istess ambjent ta’ 2000 sena ilu.
Barra minn hekk, din id-darba l-presepju se jiftaħ 16-il darba, rekord fuq id-drabi ta’ qabel. Jumejn minn dawn se jkunu ddedikati għat-tfal tal-iskola. L-attività mbagħad tagħlaq fl-4 ta’ Jannar 2015 bl-Adorazzjoni tal-Islaten Maġi. Għal iktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit www.ghajnsielem.com/betlehem.