Fortina ttemm il-kuntratt mal-kumpanija tal-kostruzzjoni li ma ħallsitx l-impjegati

Miguela Xuereb

Read in English.

Fortina Contracting itterminat ir-relazzjoni tagħha mal-kumpanija Taca Construction wara li diskussjonijiet biex jitkompla x-xogħol tagħha fuq il-proġett ta’ Tas-Sliema fallew.

Ix-xogħol fuq il-proġett ta’ żvilupp f’Tigné twaqqaf għall-aħħar tliet ġimgħat wara li l-ħaddiema tat-Taca ħarġu fuq strajk għax il-kumpanija Torka ma bdietx tħallashom.

Fortina Contracting innotifikat lil Taca Construction bit-terminazzjoni l-Erbgħa 3 ta’ Ġunju. Minkejja dan, wara talba ta’ Taca, Fortina Contracting reġgħet bdiet diskussjonijiet biex forsi ssalva s-sitwazzjoni. Liema diskussjonijiet fallew.

Kelliem għall-kumpanija qal li huma għamlu dak kollu li setgħu biex isalvaw is-sitwazzjoni. Qal iżda li l-falliment ta’ Taca li jirritornaw lill-ħaddiema tagħhom fuq is-sit ħalliethom mingħajr ebda alternattiva ħlief li jitterminaw il-ftehim.

Fortina Contracting empatizzat mal-ħaddiema Torok u assigurathom li għamlet minn kollox mhux biss biex tilħaq l-obbligi finanzjarji tagħha ma’ Taca Construction, iżda huma ħallsu aktar milli jmisshom biex jiffaċilitaw l-affari. Intant qalet li qed iżżomm lil Taca Construction responsabbli għad-danni li rriżultaw mid-dewmien fil-proġett u se tieħu l-passi kollha neċessarji biex tissalvagwardja l-interessi tagħha.

Il-kelliem qal li huma kommessi li jwasslu l-proġett fi tmiemu u b’hekk se jkun qed jieħu x-xogħol f’idejh kuntrattur ġdid fil-jiem li ġejjin.

Il-grupp ta’ 80 ħaddiem Tork li timpjega l-kumpanija u li ma jafux jitkellmu bl-Ingliż ilhom Malta għal għadd ta’ xhur. Huma qed jappellaw lill-Gvern għall-għajnuna għax ma jafux x’jistgħu jagħmlu. Uħud minnhom qalu li ilhom ma jitħallsu għal tliet xhur, filwaqt li oħrajn qalu li ilhom ma jitħallsu ħames xhur. Semmew kif ma kellhomx flus x’jibagħtu d-dar lill-familji tagħhom għall-Eid li jiġi ċċelebrat meta jintemm ir-Ramadan.

Wieħed mill-ħaddiema għamel kuntatt ma’ Newsbook.com.mt u spjega li min iħaddimhom qed jallega li huma tħallsu, iżda huma ma rċivew l-ebda flus. Il-ħaddiema issa qed jiġu mhedda li jitkeċċew mil-lukanda fejn joqogħdu, u qed jappellaw lill-Gvern Malti sabiex jintervjeni. Qalu li f’pajjiż ċivilizzat bħal Malta, membru fl-Unjoni Ewropea, jistennew li d-drittijiet tagħhom jiġu mħarsa.