Forsi x’ma tafx dwar il-French Fries

Wieħed mill-aqwa modi kif tiekol il-patata huwa meta jkunu French Fries, meta l-patata tinqata’ fi strippi żgħar imbagħad tintefa’ fiż-żejt jagħli sakemm issir kulur dehbi u meta tigdem waħda minnhom tħossha tqarmeċ taħt snienek. Għad li bosta jsostnu kemm il-fries huma ħżiena għas-saħħa jibqa’ l-fatt li jekk tiekol waħda tkun trid tkompli tiekol aktar.

Il-French Fries isibhom taħt bosta ismijiet f’pajjiżi differenti. Fl-Amerika jsejħulhom fries, fl-Ingilterra jsejħulhom chips u fi Franza jagħfuhom bħala frites.

Il-Franċiżi, l-Ispanjoli u l-Belġjani kollha jgħidu li vvintaw il-fries. Imma ħadd ma jaf min tassew beda din it-tip ta’ patata moqlija. Dawk Franċiżi jsostnu li l-fries bdew jinbiegħu fit-toroq ta’ Pariġi fl-1789. Il-Belġjani jsostnu li peress li l-kultura tat-tisjir tagħhom ittieħdet minn Franza, huma bidlu l-mod ta’ kif il-Franċiżi jsajru l-patata u bdew isajruha mod ieħor. L-Ispanjoli jiftaħru li l-patata waslet fl-Ewropa bis-saħħa tagħhom għax kienu huma li ġabuha l-ewwel mill-Amerika wara l-wasla hemm ta’ Kristofru Kolombu.

Il-President Amerikan Thomas Jefferson jingħad li kien hu li daħħal il-fries f’pajjiżu wara li kien Ministru Amerikan fi Franza. Kellu kok fi Franza li ħadu miegħu f’pajjiżu li baqa’ jsajjarhomlu … u kulħadd beda jridhom!

Sebgħa fil-mija tal-patata kollha fl-Istati Uniti tal-Amerika tispiċċa tissajjar f’xi wieħed mill-postijiet ta’ McDonald’s. Terz mill-fries li jinbiegħu fil-pajjiż jinbiegħu minn din il-kumpanija. Ras għal ras, kull Amerikan jiekol madwar 13-il kilogram ta’ fries — piż ta’ madwar tifel żgħir.

Il-Mużew tal-French Fries fil-Belġju

Fil-Belġju hemm mużew apposta għall-French Fries li jinsab fil-belt ta’ Bruges. Jismu Frietmuseum u hu mifrux fuq żewġ sulari. Fil-letteratura nsibu li Charles Dickens semmiehom l-ewwel darba fil-kitba tiegħu fir-rumanz A Tale of Two Cities meta jsemmi “biċċiet tal-patata moqlija f’ħafna żejt”.

Għalkemm taħseb li l-French Fries huma diżastru għal ġismek, madankollu għandhom xi valur nutrittiv. Magħmulin mill-ħaxix (patata), fihom il-vitamini kollha li fiha l-patata, fosthom il-vitamini B6, C, il-magnisjum u l-ħadid.

Madwar id-dinja nsibu vending machines li jibdew isajru l-fries appena titfgħalhom il-flus. L-ewwel magna minnhom saret fl-Awstralja fl-1982 u ssejħet Mr. French Fry. Isservik il-patata kif tħobbha f’minuta. Issa nsibuhom ukoll fiċ-Ċina, fil-Belġju, fl-Iżrael, fis-Slovakkja u fl-Olanda. Imma ma hemmx waħda fl-Istati Uniti.

Bħal f’kollox, anki fejn jidħlu l-French Fries … il-moderazzjoni kollox!