Il-Papa Franġisku stieden lill-komunità tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali biex jgħixu ħajja fl-ispirtu ta’ fraternità, ċokon u paċi, hekk kif għadhom kif adottaw regoli ġodda għall-ħajja komunitarja tagħhom.
L-Ordni tal-Franġiskani Minuri (OFM Conv) għada kif ikkonkludiet il-202 Kapitlu Ġenerali tagħha b’udjenza mal-Papa fil-Vatikan nhar it-Tnejn li għadda.
F’diskors li għamel lid-delegati il-Papa ferħilhom wara li approvaw Statut Ġenerali li jagħmel tibdil minn dak oriġinali fl-oqsma tal-inter-kulturaliżmu, it-trasparenza finanzjarja u l-ħajja komunitarja.
“Dawn il-bidliet kienu diffiċli imma għamilta sforz tajjeb għax il-Kostituzzjoni tiggarantixxi l-kariżma tal-Ordni u l-mixja tagħha lejn il-futur. L-Evanġelju hu r-“regola tal-ħajja” Franġiskana u l-missjoni tal-Franġiskani hi li jgħix l-Vanġelu.
Fraternità
Papa Franġisku semma tliet modi kif il-Franġiskani Konventwali jistgħu jkunu “xhieda ħajja tal-kelma”.
Hu qal li l-Fraternità hi aspett ċentrali għal dawk li jimxi fil-passi ta’ San Franġisk. Dan hu rigal li għandna nilqgħu bi gratitudni. Hi realtà li nsibu fi triqitna biex nibnu u titlob il-kontribut ta’ kull persuna. Il-Fraternità titlob li kulħadd “iħobb u jgħin lil ħutu” biex il-ħajja komunitarja issir “skola ta’ komunjoni u tip ta’ profezija fil-Knisja u fid-dinja”.
Iċ-ċokon
Il-Papa qal li iċ-ċokon “il-minuri” hi karatteristika importanti oħra fil-ħajja tal-Franġiskani Konventwali. “Din hi triq diffiċli għax hi l-oppost tal-loġika tad-dinja li tfittex is-suċċess akkost ta’ kollox u trid dejjem tkun fl-ewwel post”.
San Franġisk ried li l-Franġiskani jkunu umli u li joffru ħajjithom għas-servizz tal-oħrajn.
Il-Paċi
“Ippridkaw il-paċi”, appella l-Papa lil dawk preżenti fl-ispirtu tat-tradizzjoni Franġiskana “Pax et Bonum”. Huwa qal li l-paċi tista’ tkun interpretata bħala rikonċiljazzjoni… magħna nfusna, ma’ oħrajn u mal-kreaturi.
“Ir-rikonċiljazzjoni tikkonsisti fi ċrieki li jibdew mill-qalb u jestendu ‘l barra minnha biex jilġqu l-univers. Iżda fir-realtà, tibda fil-qalb ta’ Alla u fil-qalb ta’ Kristu” Din it-tip ta’ paċi, sostna l-Papa, m’hix biss li ma jkollniex problemi għax toħroġ mill-preżenza ta’ Alla fostna.
Formazzjoni permanenti
Biex ngħixu ħajja fraterna u fil-paċi hemm bżonn ta’ formazzjoni kontinwa li b’mod gradwali tagħmilna konformi m’Alla f’kull sfera tal-ħajja.
Il-Papa sejjaħ din bħala “formazzjoni personaliżżata tal-qalb li tibdel il-mod kif naħsbu, is-sentimenti tagħna, il-mod kif naġixxu; formazzjoni li tgħallimna l-fedeltà”.
Il-Papa Franġisku kkonkluda d-diskors qasir tiegħu billi qal li hi biss formazzjoni reliġjuża tajba tista’ tgħin biex twaqqaf l-emorarġija ta’ qassisin u reliġjużi li qed jabbandunaw is-sejħa tagħhom.