Foresta ġdida fil-Bulgarija

Id-dinja se tara foresta ġdida, hekk kif fil-21 ta’ Novembru se jitħawwlu 12,000 siġra fil-Bulgarija.

Il-World Wildlife Fund (WWF) tal-Bulgarija ħabbret li se jitħawwlu 12,000 siġra addattata għall-ambjent fejn qed jitħawwlu. Huma se jitħawwlu qrib Stamboliyski fil-Bulgarija, maġenb ix-xmara Maritsa.

Volontiera diġà marru fuq il-post il-ġimgħa l-oħra u ġabru 120 borża żibel biex jippreparaw is-sit għat-tħawwil. It-tħawwil se jsir matul ix-xahar kollu, minn volontiera u kumpaniji.

Din it-tip ta’ foresta hija importanti ħafna, u tissejjaħ “riparian forest”. Dawn huma foresti li jkunu ħdejn l-ilma, u jsaħħu ħafna x-xtut tax-xmara, jassorbu t-trab, itejjbu l-ilma, iwaqqfu l-għarar, u jipproteġu l-ambjent għall-pjanti u annimali.