For.U.M. jitlob lill-PM biex jiddefendi d-demokrazija

Il-Forum Unions Maltin (For.U.M.) appella lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jintervjeni fil-kwistjoni tal-Air Malta u biex “jiddefendi d-demokrazija”.
Fi stqarrija, il-For.U.M. qal li kiteb lill-Prim Ministru bi tħassib minħabba l-kwistjoni bejn il-linja nazzjonali tal-ajru u l-unjin tal-bdoti (ALPA), l-iktar minħabba l-mandat ta’ inibizzjoni li nfetaħ fil-Qorti kontra l-ALPA.
Iddeskriva l-mandat bħala affront għad-demokrazija u intiż li jagħlaq ħalq organizzazzjonijiet tal-ħaddiema fl-unika għodda tagħhom kontra l-inġustizzja u t-talbiet tad-drittijiet tal-ħaddiema.
Lill-Prim Ministru, For.U.M. talbu biex dawn il-“miżuri awtoritarji” jsiru xi ħaġa tal-passat mhux tal-futur, waqt li tenna l-ħtieġa li soluzzjonijiet jinstabu madwar il-mejda tan-negozjati.