For.U.M. jikkritika l-miżuri tal-gvern; “too little, too late”

Miguela Xuereb

Il-Forum Unions Maltin (For.U.M.) ikkritika l-miżuri li daħlu fis-seħħ fl-aħħar jiem wara li tħabbru mill-Gvern nhar il-Ġimgħa filgħaxija. Il-forum rappreżentant tal-unions Maltin qal li dan il-pass tal-Gvern bħala “too little, too late”.

Intant, fi stqarrija kompla biex għadda l-pożizzjoni tiegħu permezz ta’ numru ta’ punti. Dawn huma:

  • L-użu tal-maksri b’mod universali huwa pass tajjeb u għandu jgħin inaqqas fil-firxa tal-virus. Qal li hemm bżonn miżuri aktar b’saħħithom jekk irridu li verament nikkontrollaw il-pandemija qabel it-tmiem ta’ din is-sena.
  • Il-Forum qed jistenna miżuri aktar b’saħħithom, inkluż l-għeluq ta’ stabbilimenti fejn il-pubbliku jiltaqa’ fuq ġewwa b’mod temporanju, li persuni ġejjin minn barra lejn Malta jipprovdu test negattiv għall-coronavirus qabel ma jitħallew jidħlu, emfasi mill-ġdid fuq xogħol mid-dar u tnaqqis tan-numru massimu ta’ persuni li jistgħu jiltaqgħu fi grupp.
  • Qal li huwa imperattiv li kull miżura li tittieħed tara li tipproteġi ċ-ċittadini vulnerabbli, kemm jekk jinsabu fid-djar tal-anzjani u anke jekk jinsabu fil-komunità.
  • Talab għall-edukazzjoni kontinwa tal-pubbliku u biex l-awtoritajiet ikunu huma stess ta’ eżempju billi jipprovdu azzjonijiet u messaġġi konsistenti.
  • Il-Forum qed jistenna li l-infurzar isir fis-sitwazzjonijiet kollha u mal kulħadd mingħajr ma jkun hemm l-ebda għeluq tal-għajnejn.

Fl-istqarrija ffirmata mill-President tal-forum Marco Bonnici u s-Segretarju Ġenerali Colin Galea intqal li hemm bżonn azzjoni deċiżiva biex il-pandemija terġa’ tkun ikkontrollata u hemm bżonn li l-miżuri neċessarji jkunu implimentati issa.

Intant, id-Direttur Reġjonali għall-Ewropa tal-Għaqda Dinjija għas-Saħħa, wera s-sapport tiegħu mal-Ministru Chris Fearne dwar il-miżuri meħuda fil-ġlieda kontra l-Covid-19.