Fondi UE; Riskju li jintilfu jekk tinkiser is-saltna tad-dritt

Il-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (EU) se jkollhom riskju li jitilfu l-aċċess għall-fondi tal-UE jekk jiksru l-istat tad-dritt.

Dan ir-regolament ġie approvat mill-Membri Parlamentari (MP). Il-pass li jmiss huwa li l-Kummissjoni Ewropea, bħala l-gwardjan tat-trattati, ibda b’mod indipendenti l-implimentazzjoni ta’ dan ir-regolament mill-1 ta’ Jannar 2021. Il-Parlament se jivvota wkoll dwar riżoluzzjoni b’rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għall-applikazzjoni tar-regolament dwar il-kundizzjonalità — ara l-abbozz ta’ riżoluzzjoni hawnhekk.

Kif se taħdem is-sistema?

Il-Kummissjoni, wara li tistabbilixxi li kien hemm ksur, tipproponi li l-mekkaniżmu ta’ kondizzjonalità għandu jiġi attivat kontra gvern tal-UE, u, sussegwentement taqta’ jew tiffriża l-pagamenti lil dak l-Istat Membru mill-baġit tal-UE.

Il-Kunsill imbagħad ikollu xahar biex jivvota dwar il-miżuri proposti (jew tliet xhur f’każijiet eċċezzjonali), b’maġġoranza kwalifikata. L-istituzzjonijiet tal-UE se jkollhom massimu ta’ bejn 7-9 xhur biex jaddottaw miżuri konta Stat Membru f’każ li jiġu identifikati riskji ta’ ksur tal-istat tad-dritt.

Il-liġi se tapplika għal ksur individwali jew sistemiku

Il-liġi se tapplika mhux biss meta l-fondi tal-UE jintużaw ħażin direttament, bħal każijiet ta’ korruzzjoni jew frodi. Se tapplika wkoll għal ksur sistematiku tal-valuri fundamentali li l-Istati Membri kollha għandhom jirrispettaw, bħad-demokrazija jew l-indipendenza tal-ġudikatura, meta dak il-ksur jaffettwa — jew jirriskja li jaffettwa – il-ġestjoni tal-fondi tal-UE.

Xi eżempji ta’ każijiet jinkludu theddid għall-indipendenza tal-ġudikatura, nuqqas ta’ korrezzjoni ta’ deċiżjonijiet arbitrarji/illegali, u limitazzjoni ta’ rimedji legali.

Protezzjoni għaċ-ċittadini

Il-benefiċjarji finali, iċ-ċittadini, se jkunu jistgħu jressqu lment lill-Kummissjoni permezz ta’ pjattaforma web, li tgħinhom jiżguraw li jirċievu l-ammonti dovuti. Dan biex il-benefiċjarji ma jiġux ikkastigati għall-azzjonijiet tal-gvernijiet tagħhom.

Il-Kummissjoni se tkun tista’ wkoll tagħmel korrezzjoni finanzjarja billi tnaqqas il-pagament li jmiss tal-appoġġ tal-UE lill-pajjiż rispettiv inkwistjoni.